Jonathan Degiorgio ta’ 35 sena li kien ilu qed jiġi mfittex mill-Pulizija għal xahar sħiħ tressaq il-Qorti b’rabta ma’ attentat ta’ serqa mill-binja tal-kimika fl-Università ta’ Malta. Dwar dan ir-reat li allegatament seħħ fil-25 ta’ Ġunju li għadda kienu diġa tressqu żewġt irġiel oħra.
Degiorgio, li m’għandux indirizz fiss ingħata l-libertà proviżorja wara li wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Clare Stafrace Zammit li tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Huwa ġie ordnat ukoll li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija kuljum u li jirtira kmieni d-dar filwaqt tpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni sakemm isiru l-proċeduri.
Id-difiza mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia argumentant li l- akkużati l-oħra kienu inghatawil-ħelsien mill-arrest u xehed ukoll missieru li kkonferma li kien se jirrisjedi mieghu bil-Qorti tilqa’ it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Dan huwa t-tielet membru ta’ ‘l hekk imsejjaħ ‘gang’ ta’ erba’ li allegatament kien involut f’attentat ta’ serq fil-Bini tal-Kimika tal-Università. Degiorgio tressaq il-Qorti ftit iktar minn xahar wara li l-allegat attentat ta’ serq ta’ drogi miżmuma għall-ittestjar fil-bini tal-kimika u l-farmakoloġija tal-Università.
L-attentat ta’ serq allegatament seħħ għall-ħabta tas-2pm tal-25 ta’ Ġunju, b’filmati mill-kameras tas-sigurtà jindikaw lill-investigaturi fid-direzzjoni ta’ grupp ta’ erba’ rġiel.
Wieħed minnhom, Juanito Jimenez kien tressaq tliet ijiem wara, fejn wieġeb li mhux ħati tal-allegat rwol tiegħu fid-delitt. Jiem wara, fl-1 ta’ Lulju, t-tieni raġel, John Joseph Debono, ffaċċja akkużi simili, u li wkoll wieġeb mhux ħati.
It-tielet raġel, Degiorgio wkoll wieġeb li mhux ħati ta’ konspirazzjoni kriminali, attentat ta’ serq, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u naqas milli jinnotifika lill-awtoritajiet dwar kwalunkwe bidla fid-dettalji personali fuq il-karta tal-identità tiegħu.
Meta għamlu sottomissjonijiet fuq il-ħelsien mill-arrest, l-avukati difensuri Franco Debono u Amadeus Cachia indikaw li ż-żewġ ko-akkużati l-oħra ġew meħlusa mill-arrest preventiv, filwaqt li l-Prosekuzzjoni kkontestat dan il-fatt fejn qalet li l-pulizija kienet ilha tiġri wara dan is-suspettat għal xahar sħiħ. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Colin Sheldon ressqu lill-akkużat.
//= $special ?>