Sport Sport Ieħor

Josef Bonavia jirbaħ it-tieni tellieqa tas-Sprint Triathlon Series organizzata minn Birkirkara St. Joseph

(Ritratt: Deacon Xuereb/DX Photography)

Josef Bonavia ħareġ rebbieħ fit-tieni tellieqa tal-Go & Fun Sprint Triathlon Series organizzata minn Birkirkara St. Joseph. It-tellieqa li saret il-Ħadd filgħodu fit-Triq tal-Kosta fis-Salini saret f’kundizzjonijiet sħan, bil-parteċipazzjoni terġa’ tkun sostanzjali.

Fl-għawma ta’ 750 metru, Bernard Sant tejjeb fuq il-ħin tal-ġimgħa ta’ qabel u ħareġ l-ewwel wieħed mill-ilma segwit minn Shaun Galea u Malcolm Vassallo li wkoll tejbu l-ħin tagħhom. Fit-taqsima tar-rota kienu Josef Bonavia u Joseph Galea li rreġistraw l-aħjar ħinijiet, b’Shaun Galea jnaqqas il-pass tiegħu. Bernard Sant prova jżomm id-distakk li kiseb fl-għawma iżda kif wasal f’nofs il-ġirja ta’ ħames kilometri, Bonavia qabeż lil Sant. Hu spiċċa rebbieħ f’1:02.42, titjib ta’ ħamsin sekonda fuq il-ġimgħa ta’ qabel. Joseph Galea spiċċa fit-tieni post, b’Sant jidħol 23 sekonda warajh.

Fit-tellieqa tan-nisa, Danica Bonello Spiteri kisbet it-tieni rebħa konsekuttiva. Fis-sezzjoni tal-għawma kienet Hannah Cutajar ħarġet l-ewwel mill-ilma u kellha vantaġġ ta’ 27 sekonda fuq Danica Bonello Spiteri li wkoll tejbet il-ħin tagħha. Dan il-vantaġġ sparixxa fit-taqsima tar-roti għaliex Bonello Spiteri marret fuq quddiem fit-tieni dawra. Hi baqgħet iżżomm il-vantaġġ sat-tmiem u tejbet il-ħin finali bi 33 sekonda. Lara Buttigieg li tilfet l-ewwel tellieqa minħabba li kienet imweġġa’ kienet fid-dwell għat-tielet post mal-veterana Suzanne Farrugia u Anjelika Ruggier, b’tal-aħħar tikseb it-tielet post.

Il-President tal-Malta Triathlon Federation John Vella ppreżenta l-midalji lir-rebbieħa. It-tielet tellieqa tal-Go & Fun Sprint Triathlon Series se ssir il-Ħadd 6 ta’ Settembru fi Triq il-Kosta.

Riżultati

Kategorija tal-irġiel: 1. Josef Bonavia (1:02.42), 2. Joseph Galea (1:03.05), 3. Bernard Sant (1:03.28)

Kategorija tan-nisa: 1. Danica Bonello Spiteri (1:06.07), 2. Hannah Cutajar (1:07.29), 3. Anjelika Ruggier (1:21.36)