Coronavirus Lokali Saħħa

“L-attivitajiet tal-massa għandhom jiġu sospiżi b’mod urġenti” – MPA

Il-Malta Police Association tinsab ferm preokkupata minħabba l-iżviluppi marbuta mat-tixrid u t-trażmissjoni tal-virus Covid-19 f’pajjiżna dawn l-aħħar jiem.

F’post fuq il-media soċjali l-MPA qalet li jidher li l-maġġor parti ta’ dawn it-trażmissjonijiet huma marbuta ma’ attivitajiet tal-massa li qegħdin jiġu organizzati ta’ kuljum f’diversi rħula u stabbilimenti privati. Jidher li anke fejn ingħad li ttieħdu ċerti prekawzjonijiet bħat-teħid tat-temperatura, jirriżulta li l-ammont konfermat ta’ persuni li ġew infettati b’dan il-virus kien wieħed għoli.

L-MPA tifhem li ħafna persuni li qegħdin jattendu dawn l-attivitajiet tal-massa qegħdin jagħmlu dan minn rajhom u bil-volonta sħiħa tagħhom, iżda ftit jagħrfu li barra dawk li jivvolontarjaw ruħhom biex jattendu hemm oħrajn li għalkemm huma konxji mir-riskji ta’ infezzjoni, ma jistgħux jirrifjuta li jkunu preżenti minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, fosthom il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu assenjati ta’ bilfors, xogħol f’dawn l-attivitajiet.

L-MPA konxja mir-riskji kollha li dawn l-attivitajiet tal-massa qegħdin joħolqu, l-MPA qiegħda tagħmel appell sinċier sabiex dawn attivitajiet jiġu sospiżi b’mod urġenti sabiex is-sagrifiċċji kollha li l-poplu Malti għamel f’dawn l-aħħar xhur sabiex tkun kontrollata din il-pandemija ma jkunux saru għalxejn.

L-MPA qalet li azzjoni f’waqtha sabiex tkun imħarsa s-saħħa tal-poplu u b’mod speċifiku tal-Pulizija, tal-ħaddiema fis-servizz tas-Saħħa u l-frontliners kollha, hija meħtieġa immedjatament.

“Ikun inutli nfaħħru lil dawn il-ħaddiema u nsejħulhom eroj jekk ma neħdux azzjoni f’waqtha biex nipproteġuhom u nipproteġu s-saħħa fiżika tal-poplu Malti.”