Futbol Sport

Mbappe se jitlef il-konfront taċ-Champions League kontra Atalanta

(Ritratt: EPA)

Kylian Mbappe se jdum tliet ġimgħat barra mill-azzjoni wara li weġġa’ u kellu jinbidel fil-finali tat-Tazza Franċiża li rebħu kontra Saint-Etienne l-Ġimgħa li għadda. Dan ifisser li Mbappe se jitlef il-kwarti tal-finali tal-UEFA Champions League kontra Atalanta.

Minħabba li l-UEFA Champions League se tintlagħab fi ftit jiem, Mbappe jinsab f’taqtigħa kontra l-ħin biex ikun fiżikament tajjeb jekk PSG jikkwalifikaw. Il-konfront kontra Atalanta jintlagħab f’Lisbona fit-12 ta’ Awwissu u s-semifinali tintlagħab sitt ijiem wara. Il-finali hi skedata għat-23 ta’ Awwissu.

Il-Franċiż ta’ 21 sena ħalla Stade de France bil-krozzi wara daħla mill-captain ta’ Saint-Etienne Loic Perrin fis-26 minuta. Dan l-episodju wassal għal diversi argumenti bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers qabel id-difensur tkeċċa. Il-logħba kienet l-ewwel waħda fi Franza wara nuqqas ta’ erba’ xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus.