Coronavirus Lokali Saħħa

“Nibqgħu nosservaw ir-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa biex ma nitilfux ir-riżultati miksuba s’issa” – PN

“Pajjiżna għandu jibqa’ viġilanti għaċ-ċirkostanzi kif qegħdin jiżvolġu meta kien hemm żidiet f’każijiet irrappurtati tal-COVID-19. Dan meta fil-midja internazzjonali qed jiġi rrappurtat ukoll li pajjiżi Ewropej fosthom Franza, l-Ġermanja u r-Renju Unit qegħdin javżaw fuq il-possibbilta’ li jkun hemm xi forom ta’ lockdown hekk kif partijiet mill-Ewropa qegħdin jippreparaw għal dik li tista’ tkun mewġa oħra tal-virus.”

Hekk stqarr il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri fi stqarrija fi stqarrija maħruġa f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Stephen Spiteri sqarr li wieħed irid ifakkar li l-pandemija għadha magħna u dan l-istatus għadu ma ġiex irtirat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO). Hekk kif pajjiżna fetaħ l-ivvjaġġar lejn ammont ta’ pajjiżi u meta qegħdin isiru ammont konsiderevoli ta’ attivitajiet tal-massa, għandhom jiżdiedu l-appelli biex fi kwalunkwe ħin jibqgħu jiġu osservati b’mod rigoruż l-appelli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Tkun irresponsabbilta’ kbira min-naħa tal-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela jekk jibqa’ jinsisti li kollox huwa business as usual meta l-pandemija għadha magħna. Minflok għandhom jibqgħu isiru l-isforzi kollha possibbli biex ir-riżultati tajbin li akkwistajna fix-xhur li għaddew bil-ħidma tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, t-tobba, l-infermieri u dawk kollha involuti fis-settur tas-saħħa ma jintilfux, temmet tgħid l-istqarrija tal-PN.