Id-difensur Steve Borg rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFA għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Borg li fl-istaġun li għadda lagħab ma’ Valletta, kiseb l-akbar ammont ta’ voti mill-kowċis, captains, uffiċjali u numru ta’ ġurnalisti li ħadu sehem fil-proċess tal-voti.
Borg f’dan l-istaġun se jilgħab ma’ Gżira United. L-istaġun li għadda kien għal darba oħra pożittiv għad-difensur ta’ 32 sena. Hu kien strumentali fid-difiża Beltija li kienet qed tissielet għar-rebħ tal-kampjonat qabel ġie sospiż f’Marzu u ma setax jitkompla minħabba l-Covid-19. Il-finalisti kollha kienu l-captain ta’ Floriana Jurgen Pisani u l-gowlkiper ta’ Valletta Henry Bonello.
Iċ-champions Floriana kisbu t-tliet unuri maġġuri l-oħra. Enzo Potenza rebaħ il-Kowċ tas-Sena fl-ewwel staġun tiegħu mal-klabb, l-aqwa skorer tal-kampjonat Kristian Keqi rebaħ l-Aqwa Barrani u Jan Busuttil rebaħ l-Aqwa Żagħżugħ tas-Sena.
Haley Bugeja reġgħet kisbet doppjetta hekk kif rebħet l-Aqwa Plejer tal-Kampjonat tan-nisa u l-Aqwa Plejer ta’ taħt id-19-il sena. It-trofej lir-rebbieħa se jkunu ppreżentati wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA li se ssir l-Erbgħa 29 ta’ Lulju.
Ir-rebbieħa kollha
Plejer tas-Sena: Steve Borg (Valletta)
L-Aqwa Kowċ: Enzo Potenza (Floriana)
L-Aqwa Żagħżugħ: Jan Busuttil (Floriana)
L-Aqwa Barrani: Kristian Keqi (Floriana)
L-Aqwa Plejer tal-Kampjonat tan-nisa: Haley Bugeja (Mġarr United)
L-Aqwa Plejer ta’ taħt id-19-il sena: Haley Bugeja (Mġarr United)
L-Aqwa Plejer tal-Ewwel Diviżjoni: Erjon Beu (Lija Athletic)
L-Aqwa Plejer tat-Tieni Diviżjoni: Ryan Micallef (Marsaxlokk)
L-Aqwa Plejer tat-Tielet Diviżjoni: Nicholas Schembri (Attard)
L-Aqwa Plejer tal-Youth League: Zak Grech (Balzan)
L-Aqwa Plejer tal-Futsal: Celino Alves (Luxol Futsal)
//= $special ?>