Futbol Sport

Vertonghen iħalli lil Tottenham wara tmien snin

(Ritratt: EPA)

Tottenham ikkonfermaw li Jan Vertonghen ħalla l-klabb wara li spiċċalu l-kuntratt. Matul din is-sena, kibret l-ispekulazzjoni dwar il-futur tad-difensur wara li Toby Alderweireld ġedded il-kuntratt filwaqt li Christian Eriksen ħalla l-klabb f’Jannar. Dawn kienu l-plejers li kien se jispiċċalhom il-kuntratt.

F’messaġġ fuq twitter, Verontghen qal li hi ġurnata tad-dwejjaq għal diversi raġunijiet għaliex se jħoss in-nuqqas tal-ħbieb li għamel, dawk li jmexxu l-klabb u l-partitarji. Il-plejer ta’ 33 sena ngħaqad ma’ Tottenham mingħand Ajax fl-2012 u jidher li l-futur tiegħu se jkun fl-Italja jew Spanja. Diversi plejers kitbu messaġġi fuq il-media soċjali biex isellmu lil Vertonghen.

Il-Belġjan lagħab aktar minn 300 logħba ma’ Tottenham u għalkemm ma rebaħ l-ebda unur mal-klabb, jista’ jkun meqjus bħala wieħed mil-leġġendi ta’ Tottenham. Minn meta l-Premier League tkompla f’Ġunju, Vertonghen beda biss darba mill-aħħar disa’ logħbiet.

Intant it-tielet gowlkiper tal-klabb Michel Vorm ukoll ħalla l-klabb fi tmiem il-kuntratt tiegħu. Hu kien ingħaqad mal-klabb mingħand Swansea fl-2014 u wara li fl-istaġun 2018/19 kien ħalla l-klabb, f’Novembru li għadda reġa’ ngħaqad mal-klabb minħabba li weġġa’ Hugo Lloris.