Lokali Qorti

20 xahar ħabs għal Somalu fuq għadd ta’ serqiet mill-Ħamrun

Somalu ta’ 22 sena li m’għandux indirizz fiss ġie kkundannat 20 xahar ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li dan ix-xahar fi ġranet differenti wettaq diversi serqiet minn stabbilimenti fil-Ħamrun. Huwa wettaq serqa wkoll fix-xahar ta’ Ġunju.

Mohammed Caw-Ali Abdikadir ammetta li fit-18 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tal-10.00am seraq ammont ta’ tabakk minn ħanut fi Triq Manuel Magri u li l-għada fis-7.00am. seraq mobajl minn ħanut li jinsab fl-istess triq.

Huwa ammetta wkoll li nhar it-Tnejn li għadda seraq mobajl, basket, kartiera u flus kontanti ta’ madwar €45 fi flus kontanti minn karozza li kienet ipparkjata fi Triq Pietru Xuereb.

Abdikadir ammetta wkoll li fis-27 ta’ Ġunju li għadda fid-9.30am minn Triq Patri Magri seraq oġġetti elettroniċi. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qieset il-fatt li huwa ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri iżda wkoll li sar reċediv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Camilleri filwaqt li l-Avukat Leontin Calleja deheret għall-akkużat.