Lokali Saħħa

“Abela jrid jiddeċiedi jekk hux mal-Maltin jew mal-barranin li qed jisirquna”

M'hemm l-ebda raguni għalfejn il-kuntratt tat-tliet sptarijiet ma jitħassarx

Issa ma fadal l-ebda raguni għalfejn il-kuntratt tat-tliet sptarijiet ma jitħassarx minnufih. Hekk kif jum wara l-ieħor qed jibqgħu joħorġu rivelazzjonijiet li jixhdu l-ingann moħbi wara d-deal ma’ Vitals dwar it-tliet sptarijiet. Dan wara li l-Awditur Ġenerali ppubblika l-Memorandum of Understanding (MOU) li l-Gvern iffirma mal-Vitals fl-10 ta’ Ottubru tal-2014, dokument li kien ilu mitluf għal snin sħaħ, u li jelenka kundizzjonijiet biex Vitals jieħdu t-tmexxija tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Hekk sostna l-Kap tal-PN Adrian Delia fi stqarrija maħruġa illejla.

Xhur wara l-iffirmar ta’ dan l-MOU, Vitals ingħataw it-tliet sptarijiet fi proċess li l-Awditur Ġenerali ddeskriva bħala wieħed ivvizjat. Quddiem dawn il-konklużjonijiet, Robert Abela issa jrid jiddeċiedi minnufih u jgħaddi l-isptarijiet lura lill-Maltin u ma jibqax għaddej b’din is-serqa ta’ flus il-poplu. 

Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li dan kien proċess imnawwar f’kull stadju, u dan kien ikkonfermat mir-rapporti li ħareġ l-Awditur Ġenerali, nkluż dak li ġie ppubblikat illum.

Dan id-deal ma’ Vitals kien wieħed skandaluż u li rabat lill-poplu ma’ nies li kienu għadhom kif għamlu kumpanija, li ma nafux min hi, u li ngħataw kuntratt ta’ €2,000,000,000 biex imexxu tliet sptarijiet għal 90 sena meta qatt ma kellhom esperjenza fil-qasam tas-saħħa. Kumpanija li ġiet irreġistrata inqas minn xahar qabel ma ngħatat dan il-kuntratt meta lanqas ma sarx id-due diligence, b’kapital ta’ €1,000 biss, bla garanziji bankarji u bla rabtiet mal-banek biex jagħtuhom is-self meħtieġ meta kienu marbuta li jagħmlu b’€187,000,000 f’investiment.

Liema investiment baqa’ qatt ma sar. Dawn il-konklużjonijiet kollha tal-Awditur Ġenerali jikkonfermaw kif il-Gvern Laburista ftiehem mal-barranin biex jinsterqu l-Maltin, bil-barka tal-Ministri kumpanija barranija tingħata l-miljuni u kull ġurnata qegħdin ninsterqu €250,000, fi prezz qares tal-korruzzjoni.

Robert Abela dan kollu jafu għax kien diġa’ hemmhekk meta kien konsulent ta’ Joseph Muscat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kien hemmhekk meta Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd iffirma kuntratt li nagħtu lil Steward Healthcare €100,000,000 jekk dawn ifallu.

Il-Kap tal-PN qal illi Robert Abela wasallu ż-żmien li jiddeċiedi jekk hux favur in-nies jew favur il-kriminali li qegħdin jisirquna. 

“Flok nibqgħu ninsterqu kuljum, dawn il-miljuni stajna investihom fl-iktar persuni li ntlaqtu ħażin f’dan iż-żmien tal-pandemija, fl-eluf ta’ persuni li m’għandhomx xogħol, fil-110,000 ħaddiem li l-Gvern ħalla barra mill-għajnuna, fin-negozji li għadhom qed jaffaċċjaw id-diffikultajiet, fil-familji li mhux jaslu sal-aħħar tax-xahar u fil-pensjonanti biex jgħixu ħajja diċenti”.

Adrian Delia qal li se jara li tasal il-ġurnata meta dawn l-isptarijiet tal-poplu jingħataw lura għand in-nies u se nibqa’ għaddej b’determinazzjoni akbar bil-kawża li ftaħt biex il-Qorti tiddikjara dan il-kuntratt null, biex din is-serqa tintemm darba għal dejjem u minflok intejbu l-ħajja tan-nies.