Internazzjonali

Ċina-Hong Kong: Sospiżi trattati għall-estradizzjoni mal-Kanada, l-Awstralja u r-Renju Unit

Il-Gvern komunista taċ-Ċina ħabbar li qed jissospendi t-trattati ta’ estradizzjoni ta’ Hong Kong mal-Kanada, l-Awstralja u r-Renju Unit.

Id-deċiżjoni qed titqies bħala ‘att ta’ tpattija’ min-naħa ta’ Beijing wara li dawn il-pajjiżi kienu ħadu deċiżjonijiet simili b’konnessjoni mal-liġi ġdida – u kontroversjali — tas-sigurtà li ċ-Ċina qed timponi għal Hong Kong; eks kolonja Britannika u hub finanzjarju importanti li sa ftit ilu kien qed igawdi livell sinifikanti ta’ awtonomija.

Iċ-Ċina, fl-istess ħin,  iddeċidiet biex tissospendi l-ftehim għal kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi fejn tidħol il-ġustizzja kriminali – bl-awtoritajiet f’Beijing iwissu li qed jirriservaw ‘id-dritt għal tweġiba’, wara li New Zealand ukoll issospenda t-trattat ta’ estradizzjoni ma’ Hong Kong.

Ir-reġim ta’ Beijing saħaq li qed joġġezzjona bil-qawwi għas-sospensjoni ‘unilaterali’ tat-trattati ta’ estradizzjoni min-naħa tal-Kanada, l-Awstralja u r-Renju Unit.  

Il-Gvern Ċiniż kompla li l-aġir ‘għandu jitqies bħala indħil sfaċċat fl-affarijiet interni taċ-Ċina ( li għandha s-sovranità fuq Hong Kong) u azzjoni li tabbuża severament il-kriterji bażiċi tar-relazzjonijiet internazzjonali’.

Il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Awstralja huma parti minn alleanza għall-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta li hi magħrufa bħala ‘Five Eyes’.

Il-membri l-oħra ta’ din l-alleanza huma New Zealand u l-Istati Uniti – bl-aħħar pajjiż ukoll qed tindika li lesta tinħall ‘dalwaqt’ mit-trattat ta’ estradizzjoni ma’ Hong Kong.