Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 7 każi ġodda u ebda mfejqa

22 każ ġdid fl-aħħar tlett ijiem

Huma 7 l-persuni li rreġistraw pożittiv għall-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa, minn 1, 353 test – sabiex issa l-ammont ta’ każi attivi żied għal 34.

Dan tħabbar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa fejn ġie spjegat li każ wieħed biss jagħmel parti mill-cluster tal-pool party filwaqt li tnejn oħra kienu importati.

Dan ifisser li s’issa ma ngħatat l-ebda informazzjoni mill-Awtoritajiet dwar l-erba’ każi l-oħra u wisq inqas dwar jekk uħud minn dawn il-persuni humiex qed jieħdu kura fl-Isptar Mater Dei, għajr li lkoll kemm huma kienu sintomatiċi.

Dan filwaqt li fl-aħħar 24 siegħa ma ġie rrapportat li fieq ħadd mill-każi attivi sabiex issa t-total ta’ każi rreġistrati pożittivi minn Marzu, mindu feġġet il-pandemija fil-Gżejjer Maltin, żied għal 708.

Hekk kif ninsabu f’nofs -il 21 ġimgħa mindu pajjiżna beda jħabbat wiċċu ma’ dan il-virus, fl-aħħar 3 ijiem biss ġie rrapportat 22 każ ġdid.