Il-Kap tal-aġenzija għas-saħħa pubblika fil-Ġermanja, esprima, bla tlaqliq, ‘it-tħassib kbir tiegħu’ f’sitwazzjoni fejn qed jiżdiedu kontinwament l-infezzjonijiet tal-Covid-19 f’pajjiżu.
Lothar Wieler, li jmexxi lill-Istitut ta’ Robert Koch (EKI), informa lill-istampa li l-Ġermanja tinsab ‘fl-eqqel ta’ pandemija li qed tiżviluppa b’ritmu mgħaġġel’filwaqt li ilmenta li l-poplu f’dan il-pajjiż sar ‘negliġenti’ fid-dawl tal-kriżi. Wieler, fl-istess ħin, ħeġġeġ biex in-nies jilbsu l-maskri tal-wiċċ waqt li jirrispettaw ir-regoli għal distanzi soċjali u fl-interessi tal-iġene,,
Il-Ġermanja, f’ġimgħa waħda biss, irreġistrat mat-3,611-il infezzjoni ġdida bil-coronavirus. Intant, it-twissija ta’ Wieler ingħatat meta l-pajjiżi madwar l-Ewropa qed jippruvaw irażżnu spinta oħra ta’ infezzjonijiet, fost il-problema tat-turisti li qegħdin jivvjaġġaw madwar il-kontinent għall-btajjel tas-sajf.
Il-Ġermanja, intant, ħarġet twissija dwar l-ivvjaġġar relatata ma’ tliet reġjuni fi Spanja – Katalonja, Navarra u Aragon – fejn, fl-aħħar jiem, kienu rappurtati inċidenzi ġodda, jew ‘spike’, tal-coronavirus.
Dan wara li r-Renju Unit impona kwarantina ta’ erbtax-il jum għall-persuni kollha li jaslu f’artu wara vjaġġi minn Spanja – u bil-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, ifisser dan il-pass mill-Britanniċi bħala ‘inġust’.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson wissa dwar ‘sinjali ta’ tieni mewġa tal-Covid-19’ fl-Ewropa u fejn iddefenda l-politika ta’ kwarantina li pajjiżu addotta fir-rigward tal-passiġġieri minn Spanja.
Fl-istess ħin, il-Ġermanja ħabbret programm għal testijiet mandatorji ( u li jsiru b’xejn) għall-persuni li jkunu qed jirritornaw lejn il-pajjiż wara vjaġġi lejn Stati meqjusin bħala ‘high risk’ u li jinkludu l-Brażil, it-Turkija u l-Istati Uniti. Il-lista tal-pajjiżi f’dik il-kategorija qed tkun aġġornata minn żmien għall-ieħor.
Filwaqt li ‘ma jafx’ jekk il-Ġermanja hix, fil-fatt, għaddejja mill-bidu ta’ ‘tieni mewġa’ tal-coronavirus, Lothar Wieler lanqas mhu jeskludi għal din il-possibbiltà. Madankollu, hu jinsab ottimist li ‘jekk il-Ġermaniżi jirrispettaw bis-sħiħ il-kriterji tas-sigurtà u għall-ħarsien tal-iġene, huma jistgħu jevitaw l-agħar effetti tal-pandemija’.
Il-Ġermanja, b’kollox, irreġistrat mal-207,000 każ u 9,122 mewta mill-coronavirus. Fl-aħħar jiem, dawn in-numri żdiedu b’mod sinifikanti, meta fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 633 infezzjonijiet ġodda (fil-pajjiż) li huma kważi d-doppju tal-każi (340) rappurtati għal nhar it-Tnejn.
Fl-aħħar ġimgħa kienu rappurtati medja ta’ 557 infezzjonijiet ġodda – għal kull ġurnata – fil-pajjiż partikulari, bl-infezzjonijiet qed jiżdiedu madwar id-diversi Stati Ġermaniżi.
Pajjiżi Ewropej oħra wkoll qegħdin jirriflettu din l-arja ġdida ta’ preokkupazzjoni għall-aħħar żviluppi f’din il-kriżi.
Il-Belġju, issa, ħareġ direttivi biex in-nies jiltaqgħu biss fi gruppi ta’ ħamsa ( fost limitazzjoni għall-hekk-imsejħa social bubbles) wara żieda ta’ infezzjonijiet lokalizzati. L-awtoritajiet fil-belt ta’ Antwerp imponew curfew għal bil-lejl, effettiva għal kulħadd ħlief għall-ħaddiema essenzjali – b’direttiva tesiġi biex kull persuna ta’ 12-il sena jew aktar tilbes il-maskra tal-wiċċ fil-pubbliku.
L-infezzjonijiet bil-Covid-19 għadhom għoljin fl-artijiet lejn il-grigal ta’ Spanja, għalkemm l-epidemija tinsab taħt kontroll minn aspett nazzjonali – u meta huma ‘ftit’ il-każi ġodda li feġġew fir-reġjuni Spanjoli oħrajn.
L-agħar parti affettwata tal-Ewropa hi r-reġjun tal-Balkani lejn ix-xlokk – fejn il-Kosovo rapporta qabża rekord ta’ kważi 300 infezzjoni ġdida bil-Covid-19. L-uffiċjali nkarigati mis-saħħa pubblika fil-Kosovo wissew li l-isptarijiet u l-ħaddiema f’dan is-settur spiċċaw ‘mgħarrqin minn dan il-gelgul ta’ każi’.
Is-Serbja, l-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq ukoll qed jissieltu bis-sħiħ biex irażżnu l-effetti tal-pandemija, iżda s-Slovenja u l-Kroazja, għalissa, ma jidhrux li ntlaqtu daqstant ħażin f’termini ta’ infezzjonijiet ġodda.
//= $special ?>