Lokali Qorti

Ħabs għal Eġizzjan u Sudaniz wara li x-xahar li għadda ħarbu miċ-Ċentru ta’ Ħal Far

Eġizzjan ta’ 17-il sena ġie kkundannat tliet xhur ħabs filwaqt li Sudaniż ġie kkundannat sitt xhur ħabs mill-Maġistrat Josette Demicoli wara li ammettew li x-xaħar li għadda ħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far

L-Eġizzjan li ismu ma jistax jisseemma għax għadu taħt l-eta ammetta li fis-27 ta’ Ġunju li għadda ħarab miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far u nqabad ftit ilu fejn il-Freeport. L-Avukat Leontin Calleja qalet li l-piena għandu tkun ta’ sentenza sospiża għaliex dan xorta waħda se jibqa’ detenut.

L-Ispettur Roderick Attard qal li f’każijiet bħal dawn il-piena għandu tkun ta’ ħabs, anke jekk fil-minimu tagħha peress li huwa kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Huwa qal ukoll li fis-27 ta’ Ġunju kienu madwar 20 li ħarbu minn Ħal Far.

Musafa Isaac Musa minn Darfour, is-Sudan ġie kundannat sitt xhur ħabs wara li bejn is-1.00am u s-6.00am tal-20 ta’ Ġunju ħarab mill-istess post. Ir-raġuni li l-Eġizzjan ġie kundannat tliet xhur hija peress li għadu taħt l-eta u l-piena għalhekk tinżel bi grad.