Lokali

Ifeġġu aktar każi… u l-Gvern jibqa’ jżomm moħbija r-Risk Assessment Reports

Fl-1 ta’ Ġunju, il-Prim Ministru kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbar li Malta rebhet fuq il-pandemija, u saħaq li għalhekk pajjiżna seta’ jmur lura għan-normalità.

Dakinhar Robert Abela kien ħabbar ir-rilaxx ta’ diversi restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija. Il-Prim Ministru qal li dan seta’ jsir wara li saru r-Risk Assessments meħtieġa.

Minn dakinhar il-Gvern intalab diversi drabi jippubblika r-Risk Assessments li tkellem dwarhom Robert Abela.

Ftit sigħat wara dik il-konferenza tal-aħbarijiet, Net News staqsa lill-Prim Ministru għal kopja tar-rapporti, b’Abela jibgħatna għand is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika għal kopja taghhom.

Net News talab kopja tar-rapporti lis-Suprintendent u anke lill-Ministeru tas-Saħħa, u għamel ukoll talba skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, madankollu din it-talba ġiet irriffjutata. Ir-risposta tal-Gvern tikkwota zewg partijiet tal-ligi, mingħajr ma jkun speċifikat liema minn dawn iż-żewġ partijiet tiġġustifika l-fatt li din it-talba ġiet irriffjutata.