Internazzjonali

Il-każ ta’ Madeleine McCann; għaddejja tfittxija fil-Ġermanja

Il-pulizija fil-belt ta’ Hanover (fil-Ġermanja) qegħdin ifittxu fi proprjetà b’konnessjoni mal-investigazzjoni dwar raġel ta’ 43 sena suspettat dwar l-għajbien tat-tifla Britannika, Madeleine McCann, li kien għad għandha biss tliet snin meta sparixxiet minn resort tat-turisti fil-Portugall, fl-2007.

Ix-xahar li għadda kien żvelat li s-suspettat — magħruf bħala Christian B — hu ‘il-persuna ewlenija’ li qed tikkonċentra fuqu din l-investigazzjoni.

L-istess Christian B għandu karriera kriminali u fil-passat kien instab ħati dwar reati kriminali. Hu, bħalissa, qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fil-Ġermanja.

Madeleine McCann kienet sparixxiet minn appartament fir-resort ta’ Praia da Luz matul il-lejl tat-3 ta’ Mejju tal-2007 — u waqt li l-ġenituri tagħha kienu qegħdin jixorbu, flimkien ma’ xi ħbieb, ġo bar tal-kumpless.

Il-każ ta’ Madeleine ilu s-snin iqajjam ferment — fost tfittxija kontinwa għaliha mill-pulizija madwar l-Ewropa.

Ix-xahar li għadda, il-Pulizija Metropolitana kienet fissret l-investigazzjoni bħala waħda ‘li tinvolvi tifla li ġiet irrappurtata nieqsa’.

Madankollu, l-investigaturi fil-Ġermanja qegħedin jassumu li Madeleine McCann mgħadhiex ħajja — bl-investigazzjoni qed tirranka fost it-tamiet tal-pulizija li jaslu għal ‘konklużjoni’.