Lokali

“Il-kuntratt għandu jitħassar issa” – Adrian Delia

Id-deal tal-isptarijiet kien maħsub b’mod frodulenti. Il-bejgħ tal-isptarijiet, tfassal biex jisraq mill-but tal-Maltin kwart ta’ miljun ewro kuljum. U ma kull ġurnata li għaliha Robert Abela ma jiddeċidix…qed inħallsu aħna.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara li aktar kmieni t-Tlieta filgħodu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ħareġ rapport dwar l-MoU li kien sar mill-Gvern Laburista mal-Vitals Global Healthcare.

Fir-rapport ingħad li Malta Enterprise ippuntaw subgħajhom lejn l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri – wara li saħqu li kemm-il darba talbu informazzjoni lil Schembri dwar in-negozjati bejn il-Gvern u Vitals… u kif seħħ il-kuntatt bejniethom…. madanakollu l-bieb tiegħu baqa’ magħluq u żamm ħalqu mistur.

Għaldaqstant, ir-rapport li hareg l-Awditur Ġenerali xeħet aktar dawl dwar l-id moħbija tal-eks Chief of Staff f’dawn in-negozjati mal-investituri barranin wara li sar magħruf li Schembri iltaqa’ mal-istess investituri fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja qabel ma tfassal il-Memorandum of Understanding sigriet li ġie ffirmat f’Ottubru tal-2014 – xhur qabel ma’ ħarġet is-sejħa għall-bejgħ tat-tlett sptarijiet.

Dwar dan l-iskandlu, kien il-Kap tal-PN innifsu li fetaħ kawza l-Qorti biex l-isptarijiet jirritornaw lura għand in-nies…u l-flus misruqa jintraddu lura. Adrian Delia saħaq li qed jistieden lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex flimkien jaraw li dawk li serqu minn flus il-poplu Malti u Għawdxi jroddu flushom lura.

F’intervista fuq Net FM Adrian Delia ikkummenta wkoll dwar il-Kunsill Ġenerali u l-votazzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa. Hu spjega ir-raguni għaliex dan mhux żmien li fih għandu jsir ‘open contest’ għat-tmexxija. Tenna, li issa hu żmien li niffukaw fuq il-ħidma li għandha twassalna sal-elezzjoni ġenerali. Adrian Delia qal li dan hu żmien li nkomplu niġbdu aktar nies lejn il-PN, u issa hu propju l-mument li nkunu verament il-partit tan-nies l-għaliex il-politiċi jinsabu fil-politika sabiex jisimgħu u jservu – sabiex jirriflettu l-polz li qed iħossu n-nies fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Intant, f’intervista aktar qabel fuq l-istess stazzjon, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ saħqet li wara li jgħaddi dan kollu l-Partit Nazzjonalista irid iqum fuq saqajh u għaldaqstant lil dawk li m’humiex tal-istess opinjoni tagħha tirrispettahom għadha u tibqa’. Hi tkellmet dwar l-importanza ta’ vot favur elezzjoni għal Kap.

Dan filwaqt li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo insista li ħadd mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista m’hu kontra xi ħadd – iżda saħaq li kulħadd għandu għan wieħed, l-interess tal-Partit u tal-pajjiż. Iż-żewġ deputati fissru li jiġri x’jiġri fi tmiem il-ġimgħa, fl-aħħar mill-aħħar xorta se jkunu t-tesserati li se jagħtu l-għażla aħħarija tagħhom.