Lokali

Il-Malta Classic ta’ din is-sena posposta għas-sena d-dieħla

Ritratt: Facebook Malta Classic

Fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19, il-Fondazzjoni Valletta Grand Prix ħabbret li qed tħassar l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Classic Car li kellha tittella bejn it-8 u l-11 t’Ottubru.

Dan l-avveniment ilu mill-2008 jiġbed lejh mijijet ta’ dilettanti fejn ikunu jistgħu jassistu għal tlielaq u eżibizzjoni ta’ karozzi antiki.

Il-Fondazzjoni qalet li fl-attivitajiet dejjem żġurat ruħha li jkunu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà kemm tas-sewwieqa kif ukoll ta’ dawk kollha li jattendu għall-attivitajiet tagħha, u huwa propju għalhekk li għażlet li tipposponi l-attività ta’ din is-sena.

Il-Valletta Grand Prix qalet li qed tkompli taħdem b’entużjażmu sabiex l-edizzjoni tas-sena d-dieħla tkun waħda mill-isbaħ li qatt ittellgħet.

Din għandha tittella bejn is-7 u l-10 ta’ Ottubru tal-2021 u d-dilettanti se jkunu jistgħu jitpaxxew b’għadd ta’ vetturi klassiċi fosthom Ferrari Dino 206SP.