Lokali

Il-Ministru Edward Scicluna mhux ‘fuq l-istess mewġa’ bħall-Prim Ministru

Iż-żieda fin-numru ta’ każi rreġistrati ta’ Covid-19 f’pajjiżna, 99 fi 72 siegħa, qed turi li dak li ħafna ħasbu li kien għadda, ma għadda xejn. U minkejja li l-Prim Ministrui nhar il-Ħadd għaldarboħra tkellem dwar ritorn għan-normalità, kliemu ma tantx jidher li qed jikkonvinċi lil kulħadd.

Meta ħafna f’pajjiżna reġgħu jinsabu inkwetati dwar il-firxa tal-virus, staqsejna lill-Ministru tal-Finanzi dwar x’se jagħmel il-Gvern biex jagħti wens lill-poplu u jrażżan it-tieni mewġa, bil-Ministru Edward Scicluna jghid biss li ħadd ma jaf x’se jiġri fil-futur; kuntrarju għal pajjizi oħra fejn diġa MINN ISSA bdew jilqgħu għat-tieni mewġa.

U wara li attività waħda tal-massa fissret, sa issa, 17-il-każ ġdid ta’ Covid 19 f’Malta, il-Gvern, minkejja appell wara l-ieħor min ħafna entitajiet sabiex ikunu kkontrollati attivitajiet li jiġbru ħafna nies, qed jibqa’ ma jieħu l-ebda azzjoni. Mistoqsi propju dwar dan, Edward Scicluna farfarha fuq ħaddieħor, u qal li mhux kompitu tiegħu li jiddeċiedi.

Intant, dak li seħħ fl-aħħar jiem f’pajjiżna qajjem ħafna kontroversja. Għaliex filwaqt li certu stabbilimenti qed jaghmlu attivitajiet tal-massa, ir-ristoranti għadhom qed jintalbu jżommu d-distanzi bejn l-imwejjed, u wieħed għad għandu l-obbligu li jilbes maskra fi ħwienet u f’supermarkets fost oħrajn.

Anke hawn, Edward Sciculna kellu diffikultà jwieġeb u qal li ma riedx jitkellem fuq każi partikolari.

Jidher, minn dak li qalilna Edward Scicluna, li  mhux kulħadd fil-kabinett ta’ Robert Abela jaqbel li l-mewġ jinsab fil-baħar, u li kollox reġa’ lura għan-normalità.