Lokali Parlament

Il-perseveranza tal-Kap tal-PN se twassal għal ftehim storiku dwar l-emendi kostituzzjonali

Il-Gvern jaċċetta l-prinċipji tal-PN

Il-perseveranza tal-Kap tal-PN Adrian Delia wasslet biex id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni se jwasslu għal ftehim storiku li fih il-Gvern aċċetta l-prinċipji tal-PN dwar emendi kostituzzjonali.

Dawn id-diskussjonijiet saru wara appelli li għamlet l-Oppożizzjoni propju sal-lum stess u fid-diskussjonijiet ipparteċipaw il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia u d-deputat Nazzjonalista Chris Said għall-Oppożizzjoni u l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Edward Zammit Lewis għall-Gvern.

Fost il-punti li kienu diskussi u li dwarhom ma kienx għad hemm ftehim kien hemm il-mod kif jinħatar il-President ta’ Malta jekk ma jkunx hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Il-Gvern issa jidher li bidel il-pożizzjoni tiegħu u aċċetta l-prinċipju tal-Oppożizzjoni li kellu l-iskop li d-deċiżjoni finali ma tkunx tal-Gvern biss iżda tibqa’ waħda kollettiva. Il-Gvern aċċetta wkoll il-prinċipji tal-PN fuq il-Prim Imħallef, l-Ombudsman u l-Avukat Ġenerali.

Tul id-dibattitu parlamentari l-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex jibdel il-pożizzjoni tiegħu fuq numru ta’ aspetti ta’ dawn ir-riformi kostituzzjonali biex b’hekk jintlaħaq il-ftehim neċessarju.

Fis-seduta tal-lum li kienet l-aħħar seduta qabel il-vot ta’ għada u qabel il-qbil, id-deputat Nazzjonalista Chris Said kien appella lill-Gvern biex jerġa’ jmur madwar il-mejda tad-diskussjoni biex jintlaħaq ftehim.