L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja tal-2022 il-Qatar, ħabbru li jixtiequ li jorganizzaw l-Olimpjadi, possibbilment fl-2032. Il-kumitat Olimpiku tal-pajjiż issottometta rikjesta lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex jingħaqdu fil-fażi ta’ djalogu kontinwu biex jorganizzaw il-Logħob fil-futur.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku tal-Qatar qal li l-esperjenza f’organizzazzjonijiet ta’ avvenimenti sportivi oħra, flimkien max-xewqa li jippromwovu l-paċi u l-kultura, se jiffurmaw il-bażi tad-diskussjonijiet tagħhom. L-Olimpjadi qatt ma ġew organizzati fil-Lvant Nofsani u l-Qatar se jkun l-ewwel pajjiż fir-reġjun li jorganizza l-akbar avveniment tal-futbol.
Sa issa għad m’hemmx data tal-għeluq għalkemm normalment il-bliet ikollhom tal-anqas seba’ snin biex jippreparaw għall-organizzazzjoni. Fost il-pajjiżi interessati li jorganizzaw l-Olimpjadi tal-2032 hemm l-Indonesja, l-Awstralja, l-Indja u l-Ġermanja.
//= $special ?>