Futbol Sport

Inter se jilagħbu l-konfront dirett kontra Atalanta fit-tieni post u punt qabilhom

(Ritratt: EPA)

Inter se jibdew l-aħħar konfront tal-istaġun fit-tieni post wara rebħa ta’ 2-0 f’konfront diffiċli kontra Napoli. B’hekk huma wieġbu għar-rebħa ta’ Atalanta aktar kmieni u reġgħu jinsabu fit-tieni post b’79 punt, qabel il-konfront mistenni ta’ bejniethom is-Sibt li ġej. Inter kellhom bżonn biss 11-il minuta biex marru fil-vantaġġ bi kross mix-xellug ta’ Cristiano Biraghi jsib lil DANILO D’AMBROSIO li għalkemm ma laqatx il-ballun b’mod perfett, irnexxielu jegħleb lil Alex Meret b’xutt fil-baxx.

Napoli żiedu r-ritmu tagħhom u anki ħolqu diversi okkażjonijiet perikolużi lejn il-lasta ta’ Samir Handanovic. Huma anki appellaw għal penalty fit-tieni taqsima liema appelli ġew miċħuda. Inter irnexxielhom jiskorjaw il-gowl importanti li aċċertalhom it-tliet punti. Kien is-sostitut LAUTARO MARTINEZ li fl-74 minuta għamel spazju għalih u b’xutt preċiż għar-rokna minn barra l-kaxxa ma tax ċans lil Meret isalva.