Huwa ċar u ovvju li għadna m’għelibnix il-pandemija. L-għemil irresponsabbli ta’ xi nies, bil-barka tan-nuqqas t’azzjoni tal-Gvern li jirregola b’mod adegwat jew jipprojbixxi kompletament l-attivitajiet tal-massa se titfa’ f’riskju s-saħħa u l-għixien tal-poplu Malti kollu.
Dikjarazzjoni skjetta tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba tas-Saħħa Pubblika fi stqarrija maħruġa t-Tlieta waranofsinhar li fiha, kawża tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern, kienet kostretta tappella liċ-ċittadini responsabbli sabiex iħarsu saħħithom u dik ta’ qrabathom meqjusa bħala vulnerabbli billi jevitaw l-attivitajiet tal-massa mhux essenzjali, li fihom it-trażmissjoni tal-COVID-19 jagħmel festa.
L-istqarrija, iffirmata mill-President, Sacha Reiff, u s-Segretarja Onorarja, Alexia Bezzina, f’isem il-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni, irrikomandat lin-nies biex ma jieħdex sehem f’parties, festi u kwalunkwe attività li fiha inevitabbilment in-nies ikunu viċin ħafna u ma jilbsux maskla.
L-MAPHM fakkret kif għexieren ta’ pajjiżi li kellhom numri vera baxxi ta’ każi pożittivi ta’ COVID-19 għal ġimgħat sħaħ bħal Malta spiċċaw tilfu l-kontroll fuq it-tieni mewġa tal-Coronavirus, tant li ssuperat lill-ewwel mewġa u kif. Għalhekk il-ħtieġa li l-Gvern ma jħottx is-sagrifiċċji kollha li għamel il-poplu Malti b’mod kollettiv f’dawn l-aħħar xhur.
L-istqarrija temmet tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikomplu jħarsu dawn il-miżuri b’rabta mal-COVID-19 barra minn darhom:
- Żomm distanza ta’ 2 metri mill-anqas minn ħaddieħor
- Aħsel idejk sew ta’ spiss għal 30 sekonda bl-użu tas-sapun u l-ilma jew hand sanitizer li fih 70% t’alkoħol
- Uża l-maskri u/jew il-visors meta tkun fil-komunità