Lokali Qorti

Isir l-aċċess fil-post fejn intradmet u tilfet ħajjitha Miriam Pace

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud kompliet tiġbor il-provi fil-każ dwar il-qtil ta’ Miriam Pace li f’Marzu li għadda kienet tilfet ħajjitha taħt it-terrapien billi sar l-aċċess fuq il-post fil-Ħamrun.

Kmieni dalgħodu r-raġel tal-vittma Carmel Pace u binhom Matthew Pace indikaw il-binja fejn seħħ l-inċident u kif kienu komposti l-kmamar li llum għadhom terrapien.

Huma spjegaw lill-Qorti wkoll f’liema livell kienet tasal ix-showroom u li taħtha hemm numru ta’ garaxxijiet. L-aċċess sar bħala parti mill-evidenza miġbura fil-konfront ta’ erba’ t’irġiel li jinsabu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace ta’ 54 sena li spiċċat biex tilfet ħajjitha fit-2 ta’ Marzu li għadda.

Preżenti għall-aċċess kien hemm ukoll uffiċjali u esperti tal-Qorti flimkien ma’ avukat tad-difiża u parte civili. Kien il-jum tat-Tnejn li Pace instabet mejta sitt t’ijiem qabel ma kienet se tagħlaq 55 sena meta ġġarrfet id-dar tagħha minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir viċin id-dar tagħha.

Kien għall-ħabta tal-10pm tal-istess ġurnata li fih seħħ l-inċident li kien instab il-katavru ta’ Miriam Pace, wara l-inċident seħħ kmieni wara nofsinhar. Fill-fatt għall-ħabta tas-2.15pm, il-Pulizija kienet ġiet ifurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha wara li ġġarrfet il-binja.

Il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, l-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-Kuntrattur Ludwig Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiema Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba qegħdin jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace.

L-erba’ rġiel qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom bil-kuntrattur Dimech qed jiġi mixli wkoll li sar reċediv. Meta tressqu l-Qorti huma kienu ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €7,500.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Roberto Vella u Matthew Galea talbet lill-Qorti biex f’każ ta’ ħtija ż-żewġ Periti jittieħdilhom il-warrant. L-erba’ akkużati qegħdin jiġu mixlija wkoll li fil-jum tal-inċident u qabel bi traskuraġni, u b’nuqqas ta’ ħila fil-professjoni tagħhom għarrqu diversi propjetajiet fil-madwar.

Iż-żewġ Periti u ż-żewġ akkużat l-oħra qed jiġu mixlijin ukoll li biex jiksbu xi benefiċċju jew vantaġġ għalihom għamlu dikjarazzjoni falza fir-regolamenti skont l-Avviż Legali 136/2019.

Il-Perit Anthony Mangion qed jiġi mixli wkoll li fil-jum tal-inċident u fix-xhur ta’ qabel naqas li jkun preżenti fuq is-sit ta’ kostruzzjoni msemmi kull meta kienu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju ta’ ħsara lill-propjetà ta’ terzi persuni.

L-irġiel qed jiġu akkużati wkoll li kkaġunaw ħsara fil-propjetà tal-istess vittma u żewġha, kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u l-kumpanija Edu Centre Limited.

Il-Perit Camilleri għandu jiddefendih lill-Avukat Arthur Azzopardi, l-Perit Mangion lill-Avukat Alfred Abela, l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Spiteri filwaqt li Dimech għandu jiddeffenduh lil Roberto Montalto, Michael Scirha u Franco Galea. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello huma l-Avukati għan naħa tal-allegati vittmi.