Lokali

FILMAT: 65 immigrant pożittivi għall-Covid-19; il-każi attivi jitilgħu għal 99

Jisplodu l-każi attivi f'pajjiżna f'temp ta' 24 siegħa

Stqarrija tal-Gvern tgħid li minn 85 test li saru fuq l-immigranti li ddaħħlu pajjiżna lbieraħ, 65 instabu pożittivi għall-Covid-19.

Dan ifisser li l-każi attivi f’pajjiżna issa telgħu għal 99, bi 72 minnhom ikunu mħabbra fl-aħħar sigħat. In-numru totali ta’ każi rreġistrati f’pajjiżna issa qabżu għal 773.

Dan huwa l-akbar numru ta’ każi rreġistrati f’ġurnata waħda sa mis-7 ta’ Marzu. L-ogħla numru s’issa kien irreġistrat fis-7 t’April meta kelna 52 każ.

L-istqarrija maħruġa mill-Gvern tgħid li bħalma hija l-proċedura normali, l-immigranti li jaslu bil-baħar jinżammu immedjatament fi kwarantina għal 14-il jum u jiġu ttestjati.

L-immigranti li nstabu li huma pożittivi se jibqgħu jinżammu f’iżolament f’Ħal Far Initial Reception Centre u l-bqija se jibqgħu fi kwarantina u jiġu segwiti. Ir-riżultati tal-iswab tests pendenti fuq il-bqija tad-9 immigranti se joħorġu aktar tard illejla.