Futbol Sport

Iż-żagħżugħa Haley Bugeja tingħaqad mal-klabb tas-Serie A Sassuolo

(Ritratt: Sports Pro Management and Consultancy)

Aħbar pożittiva għall-futbol tan-nisa hekk kif l-attakkant internazzjonali Maltija Haley Bugeja ngħaqdet mal-iskwadra ewlenija ta’ Sassuolo fl-Italja. Dan ifisser li se ssir it-tieni plejer Maltija li se tkun qed tilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-futbol fl-Italja wara Shona Zammit.

Bugeja ħalliet pajjiżna s-Sibt biex tagħmel it-testijiet mediċi. Il-qbil għal dan it-trasferiment ilu li ntlaħaq hekk kif id-diskussjonijiet bejn il-klabb u l-aġenti tagħha Sports Pro Management and Consultancy bdew ġimgħat ilu. Iżda minħabba l-pandemija tal-coronavirus, Bugeja ma setgħetx tmur l-Italja. Mal-wasla tagħha fl-Italja, Bugeja kellha tgħaddi minn proċess partikolari minħabba li kellha titħarreġ waħedha sakemm sarilha t-tieni test.

Bugeja għadha kemm spiċċat l-istudji tagħha fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Għalkemm għad għandha 16-il sena, Bugeja ddominat il-futbol tan-nisa fl-aħħar żewġ staġuni. Hi rebħet l-unur tal-Aqwa Plejer fl-istaġun li għadda kif ukoll spiċċat l-aqwa skorer tal-kampjonat tan-nisa b’26 gowl. Proprju lbieraħ, Bugeja tħabbret ukoll bħala l-Aqwa Plejer għat-tieni staġun konsekuttiv kif ukoll l-Aqwa Plejer ta’ taħt id-19-il sena. Bil-gowls tagħha, Mġarr United saru l-eqreb sfidanti ta’ Birkirkara li ddominaw ix-xena tal-futbol tan-nisa fl-aħħar snin.

Din l-aħbar issegwi dik ta’ sena ilu meta Nicole Sciberras ingħaqdet mal-Primavera ta’ Juventus filwaqt li Rachel Cuschieri u Emma Lipman laħqu ftehim biex jilagħbu ma’ Lazio fil-kampjonat Serie B.