Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa Turiżmu

“Dalwaqt se jkollna naffaċċjaw lock-down ġdid li jkun devastanti” – FELTOM

Il-Federazzjoni tqis li l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-massa huwa att irresponsabbli għal pajjiżna u mhux iż-żmien li tiddikkjara rebħa fuq il-COVID-19

Il-Federazzjoni Maltija għall-Iskejjel tal-Ingliż bħala Lingwa Barranija, il-FELTOM, talbet lill-Gvern, b’mod partikolari lill-awtoritajiet tas-saħħa u tal-forzi dixxiplinati, sabiex b’mod immedjat iwaqqfu kull forma ta’ parties, kunċerti u attivitajiet tal-massa għaliex tqis li l-organiżżazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet huwa att irresponsabbli u li ma jħarisx ‘il quddiem.

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta, il-FELTOM qalet li ż-żieda mill-ġdid ta’ każi ġodda b’kawża ta’ dawn l-attivitajiet potenzalment kapaċi jagħmel ħsara li dak li s’issa kien vantaġġ uniku għal Malta li jkun fost l-aktar destinazzjonijiet siguri għal min jivjaġġa.

Il-Federazzjoni lmentat kif filwaqt li l-iskejjel, uffiċjini, ristoranti u ħafna negozji oħra intalbu jiftħu, ukoll jekk b’iżjed spejjeż minħabba l-protokolli ta’ prekawzjoni, l-attivitajiet tal-massa bħal parties u prestazzjonijiet artistiċi organiżżati dan l-aħħar ma kellhom l-ebda protokolli imposti fuqhom rigward l-ilbies ta’ maskri u distanzi soċjali.

Il-FELTOM irrappurtat li xi skejjel diġa bdew jirċievu telefonati biex jistaqsuhom jekk l-aġenti għandhomx jibqgħu jippromwovu lil Malta bħala destinazzjoni sigura minħabba din iż-żieda.

Bi tweġiba sottili għal dak li qal il-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda, il-Federazzjoni esprimiet l-istess twemmin ta’ bosta negozji u organizzazzjonijiet oħra li dan mhux il-mument li tkun kalm u pożittiv, iżda li tkun realistiku u umli biżżejjed biex tammetti li għadu kmieni ħafna biex tiddikjara rebħa.

FELTOM saħqet li qed titratta din is-sitwazzjoni b’serjetà u prudenza estrema tant li l-iskejjel qed jintalbu jsegwu linji gwida u protokolli stretti, bl-użu tal-maskri u d-distanzi soċjali fost l-oħrajn, minkejja li dawn mhumiex infurzati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Ittieħdet deċiżjoni wkoll biex tikkanċella l-parties annwali tal-adolexxenti li s-soltu jsiru għall-istudenti minorenni ta’ FELTOM – minkejja li jistgħu jiġu implimentati miżuri ta’ prekawzjoni.

Din id-deċiżjoni ttieħdet għaliex flimkien mal-iskejjel membri tagħna, ma rridux nissagrifikaw ir-reputazzjoni tal-pajjiż u l-abilità tiegħu bħala destinazzjoni sigura u serja fil-mod kif qed iwieġeb għall-pandemija COVID-19.

Dwar ix-xenarju li dawn l-attivitajiet tal-massa jibqgħu għaddejjin, l-istqarrija temmet tistaqsi min se jerfa’ r-responsabbiltà jekk dalwaqt ikollna naffaċċjaw lock-down ġdid li jkun devastanti, mhux biss għat-turiżmu imma għall-pajjiż kollu u l-ekonomija tiegħu.