Coronavirus Lokali

“L-attivitajiet tal-massa li jġibu l-barranin f’pajjiżna għandhom jiġu sospiżi” – MEIA

"Il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura"

“Qed nitolbu biex jiwaqqfu l-avvenimenti kollha bl-għan li jattiraw il-barranin li jiġu f’pajjiżna b’mod speċifiku għall-avvenimenti bħal dawn b’riskju kbir li jxerdu l-marda lokalment.”

Hekk saħqet l-assocjazzjoni l-gdida responsabbli mill-arti u d-divertiment (MEIA) fejn insistiet li l-industrija lokali ma tistax tiġi ppenalizzata għall-avvenimenti tal-massa li huma mmirati speċifikament lejn dawk li jivvjaġġaw lejn Malta minn pajjiżi b’riskju għoli fl-Ewropa.

Dan kollu wara l-aħħar żviluppi rrapportati rigward ir-riskju li avvenimenti tal-massa qed iġibu fuq saħħet il-Maltin u l-Għawdxin kawża tat-tixrid tal-Covid-19.

Għaldaqstant l-MEIA pproponiet linji gwida li għandhom jiġu nfurzati fl-avvenimenti kollha;

a) Il-parteċipanti kollha jkollhom il-kontroll tat-Temperatura tagħhom jew kwalunkwè salvagwardja immedjata kif jkun issuġġerit mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Din hija miżura obbligatorja.

b) Sanitizer obbligatorju provdut u infurzat mad-dħul.

c) Dettalji obbligatorji tal-kuntatt u / jew karta tal-identità skanjati mad-dħul għall-parteċipanti kollha.

d) Mħeġġeġ l-użu ta’ ‘visors’, maskri u distanza soċjali.

e) L-organizzaturi għandhom jiżguraw l-istaff u l-ekwipaġġ tagħhom, li huma f’kuntatt dirett mal-parteċipanti kollha, jilbsu maskri – għal ġewwa kif ukoll postijiet ta’ barra – peress li huma f’riskju akbar għalihom infushom u għall-oħrajn. Dan għandu jkun ukoll obbligatorju.

L-MEIA appellat lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex ma jinjorax l-appelli tagħhom u jsegwi l-linji gwida u l-miżuri ta’ mitigazzjoni jerġgħu ikunu inforzati permezz ta’ avviż legali.

L-Assoċjazzjoni saħqet li biex pajjiżna u l-industrija tirkupra, “jeħtieġ sforz kollettiv biex niżguraw li nistgħu nipprovdu ambjent sigur u pjaċevoli għal kulħadd.”