Lokali Saħħa

L-MOU TAL-VITALS: L-Awditur jgħid li hemm punti li “baqgħu mistura”

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) illum ppubblika l-MoU li kien sar mill-Gvern Laburista mal-Vitals. Dan wara li dan id-dokument kien ilu xhur sħaħ “mitluf”

F’nota lill-media, l-Awditur spjega illi jirrappreżenta lill-Gvern f’dan l-MoU kien hemm l-eks Ministru Chris Cardona, dak iż-żmien Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar. Il-parti l-oħra kienu l-iżviluppaturi u l-operaturi tal-proġett propost, rappreżentati minn Mark Edward Pawley fil-kapaċità tiegħu bħala Direttur ta’ Bluestone Special Situation 4 Ltd, Ashok Rattehalli fil-kariga tiegħu bħala Direttur ta’ AGMC Incorporated u Mohammad Shoaib Walajahi u Chaudhry Shaukat Ali fil-kapaċità tagħhom bħala Diretturi ta’ Pivot Holdings Ltd (imsejħa kollettivament bħala l-Investituri).

L-MoUkien iddatat l-10 ta’ Ottubru, 2014.

L-investituri kienu interessati li jinvestu fit-twaqqif ta’ kumpless mediku f’Għawdex, li kien jinkludi l-estensjoni u l-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ ċentru tal-għajxien assistit, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ skola medika li kellha titħaddem minn Barts School of Medicine and Dentistry.

L-NAO jafferma li s-sejbiet u l-konklużjonijiet kollha milħuqa fir-rapport inizjali jibqgħu l-istess, effettivament sostanzjati mill-fatti li ħarġu mir-reviżjoni tal-Memorandum of Understanding.

L-Uffiċċju huwa tal-fehma li l-MoU li daħlu għalih il-gvern u l-investituri u t-talba għal proposti għal konċessjoni ta’ tliet sptarijiet maħruġa sussegwentement jistgħu jitqiesu bħala proċess wieħed. L-ewwel nett, jeżisti xebh kbir bejn l-investituri li daħlu fl-MoU u s-sidien ta’ Vitals Global Healthcare Ltd; il-kumpanija li ġiet mogħtija l-konċessjoni mill-Gvern. It-tieni, in-natura tal-proġett ma nbidlitx. Infatti,  inżamm il-mudell ta’ żvilupp u operat, id-dħul mill-gvern baqa’ garantit permezz ta’ ftehim fit-tul, it-turiżmu mediku kellu jsostni l-fattibbiltà tal-proġett u l-kostruzzjoni tal-iskola medika ta’ Barts baqgħet element prominenti għall-proġett. L-unika differenza kienet it-tnaqqis fin-numru ta’ sodod fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, liema tnaqqis kien aktar milli kkumpensat permezz taż-żieda tal-Isptar San Luqa u l-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech fil-konċessjoni. Ix-xebh fin-natura tal-proġett u fl-identità tal-investituri huwa evidenti u jsostni l-fehma ta’ dan l-uffiċċju li l-proċess kien wieħed imfassal b’għan premeditat u qarrieqi.

Għalkemm l-MoU tefa’ dawl fuq ċerti żviluppi li seħħew qabel it-talba għall-proposti, oħrajn baqgħu mistura.

L-Awditur Ġenerali jinnota l-fatt li meta sar due diligence mill-Malta Enterprise, dan irriżulta fin-negattiv.

Minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni mgħoddija lil dan l-uffiċċju dwar in-natura tar-riżultat negattiv tad-diliġenza dovuta, it-tħassib tal-NAO jibqa’ meta wieħed iqis li, irrispettivament mir-riskji kruċjali indikati, il-Gvern kompla jinnegozja mal-investituri li, fil-maġġoranza, ma nbidlux meta l-Gvern tahom konċessjoni biex joperaw tliet sptarijiet pubbliċi ftit xhur wara.

L-Awditur itenni wkoll il-konklużjoni tiegħu li l-proposta ta’ Vitals għat-tliet sptarijiet kellha tiġi skwalifikata mal-ewwel. Dan apparti li jikkonferma kif is-suppost investituri kienu diġa’ f’konfoffa mal-Gvern qabel biss ħarġet it-talba għal proposti (RfP).