Internazzjonali

Malasja: L-Eks Prim Ministru Razak jingħata 12-il sena ħabs għal korruzzjoni

L-Eks Prim Ministru tal-Malasja, Najib Razak, instab ħati dwar seba’ akkużi fl-ewwel minn diversi proċessi tal-Qorti li hu irid jgħaddi minnhom b’konnessjoni ma’ korruzzjoni relatata ma’ multi-miljuni ta’ dollari.

Intant, il-Qorti kundannatu għal tnax-il sena ħabs dwar abbuż ta’ poter filwaqt li imponietlu priġunerija ‘addizzjonali’ ta’ għaxar snin priġunerija għal kull waħda minn sitt akkużi li jinvolvu ħasil ta’ flus u ksur ta’ fiduċja bħala uffiċjal pubbliku. Madankollu, is-sentenzi – effettivi għall-istess żmien – huma sospiżi minħabba li hemm appell pendenti.

Il-każ kontra Razak (li dam fil-poter mill-2009 sal-2018) hu partikolarment sinifikanti għall-pajjiż għaliex jitqies bħala ‘eżami’ għall-mod kif il-Malasja qed tiġġieled kontra l-korruzzjoni istituzzjonalizzata. L-iskandlu, relatat għal fond tal-Istat fil-Malasja, anki żvela network ta’ frodi u korruzzjoni fuq livell globali.

Il-każ, fl-istess ħin, heżżeż lill-establishment politiku fil-Malasja, bil-konsegwenza li l-Partit UMNO ta’ Najib tkeċċa mill-poter wara li kien dam jiggverna lill-pajjiż għal 61 sena, minn wara l-indipendenza.

Filwaqt li Najib, ’il quddiem, jista’ jiskonta għexieren ta’ snin ta’ priġunerija,  hu mistenni jibqa’ jgħix fil-libertà sakemm jispiċċawlu l-appelli kollha.

Filwaqt li l-Imħallef li ppresieda fuq il-każ sostna li ‘il-prosekuzzjoni rnexxielha tissostanzja l-akkużi (kontra Razak) mingħajr ħjiel ta’ dubju’, l-Eks Prim Ministru Malasjan għadu determinat ‘li jkompli jappella kontra kull sentenza ta’ ħtija fil-konfront tiegħu waqt li jiġġieled biex ineħħi t-tebgħa fuq ismu’.