“Jekk is-sitwazzjoni tiggrava, mhux eskluż li jidħlu fis-seħħ aktar restizzjonijiet inkluż multi għal min ma josservax l-appelli min-naħa tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.”
Dikjarazzjoni ċara li saret mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt intervista fuq One Radio.
Hekk kif f’dan l-aħħar jien pajiżna ra żieda sostanzjali fin-numru ta’ kazi attivi ta’ COVID-19, l-appelli mill-awtoritajiet ma jonsqux. Chris Fearne fejn qal li iktar ma jkollok nies li jinġabru flimkien f’folol kbar, iktar għandek riskju li dan il-virus ikompli jinxtered.
“Ikbar ma jkun hemm folol flimkien, ikbar ikun ir-riskju li jkollna żieda fil-każi ta’ COVID-19. Għalhekk fejn nistgħu għandna nevitaw folol kbar.”
Dan jikkontrasta bil-kbir ma’ dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd li għadda fejn baqa’ jinsisti li l-poplu għandu jkompli jgħix b’mod normali qisu m’hu qed jiġri xejn.
Chris Fearne kompla jappella għall-prudenza għax iktar ma jkollok nies li jiffrekwentaw attivitajiet tal-massa, iktar jikber ir-riskju li jintilef il-kontroll tas-sitwazzjoni
“Jekk persuna infettiva tmur ġo folla ta’ elf ruħ, u tinfetta 50, 60 ruħ, imbagħad se jkun hemm problema, għax biex nittestjawhom kollha, biex iżżomm lil kulħadd kwarantina, biex iżżomm lin-nies ta’ madwarhom kwarantina, biex nagħmlu t-testijiet ta’ kulħadd b’mod mgħaġġel, tagħmel pressjoni qawwija fuq is-sistema tas-saħħa u jstgħu jaħarbulna xi każijiet… u jekk jaħarbu xi każijiet jerġa’ jkollna firxa fil-komunità.”
Il-Ministru tas-Saħħa qal li wieħed mill-każi pożittivi li kienu mħabbra f’dawn l-aħħar jiem kien ta’ persuna li attendiet marċ ta’ festa partikolari f’Malta. Huwa qal li għalkemm il-ħajja soċjali tal-Maltin trid titkompla, wieħed xorta jrid jibqa’ kawt għax il-pandemija għadha magħna u se tibqa’ hemm sakemm ikun hemm vaċċin li jaħdem… vaċċin li mhux mistenni li jkun disponibbli din is-sena.
//= $special ?>