Coronavirus Lokali

“Nissalvagwardaw lill-vulnerabbli tagħna” – Kamra tal-Ispiżjara

“Bħalissa l-attivitajiet tal-massa m’għandhomx jiġu organizzati”.

Dan saħqitu fi stqarrija l-Kamra tal-Ispiżjara f’appell li għamlet lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u lis-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci fejn talbithom jirrikunsidraw id-deċiżjoni tagħhom fuq attivitajiet simili.

Il-Kamra tal-Ispiżjara spjegat li ż-żieda fl-ammont ta’ persuni rreġistrati pożittivi għall-Covid-19 fl-aħħar jiem hija frott ta’ attività tal-massa u għaldaqstant tali avvenimenti qed jinkwetaw lill-ispiżjara li fl-aħħar xhur għamlu tant sagrifiċċji għal benesseri taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Il-Kamra tal-Ispiżjara ingħaqdet fl-appelli ta’ diversi assoċjazzjonijiet mediċi li qed jitolbu lill-Gvern ta’ Abela sabiex iħares is-saħħa tal-poplu u sostnew li l-ħarsien tas-saħħa u ekonomija b’saħħitha jistgħu jeżistu flimkien jekk l-Awtoritajiet isibu bilanċ.

Finalment huma appellaw sabiex il-poplu jibqa’ jiġi gwidat bil-għan li jżomm il-kawtela u l-attenzjoni sabiex jiġu salvagwardati l-aktar vulnerabbli.

https://www.facebook.com/spizjara.org/posts/3811112805582318