Internazzjonali

Stati Uniti: Inkwiet f’Portland…fost pressjoni biex l-aġenti federali jkunu projbiti mill-ibliet

Talanqas sitt Sindki, membri tal-Partit Demokratiku fl-Oppożizzjoni, ħeġġew lill-Kungress tal-Istati Uniti biex iwaqqaf il-Gvern tal-President Donald Trump milli jibgħat l-aġenti federali għall-infurzar tal-liġi lejn l-ibliet tagħhom.

Dawn is-sindki, permezz ta’ ittra formali, ressqu l-argument li l-preżenza, fl-ibliet, ta’ dawn l-aġenti bi sfida għat-talbiet tal-awtoritajiet lokali, tmur kontra l-liġi. Fost id-sindki li ffirmaw l-ittra hemm is-Sindku ta’ Portland (fl-Istat ta’ Oregon), fejn l-aġenti federali, fl-aħħar jiem, kellhom numru ta’ konfronti mad-dimostranti għal kontra r-razziżmu.

L-inkwiet f’Portland, fl-aħħar sigħat, kien qed ikompli  — fost rapporti li l-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, William Barr, kien qed iħejji biex jiddefendi d-deċiżjoni għall-istazzjonar tal-aġenti federali fl-ibliet waqt smigħ speċjali quddiem il-Kungress Amerikan.

Mistenni li Barr jipprova jiġġustifika d-deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Ġustizzja biex jintbagħtu l-aġenti tas-sigurtà f’Portland bħala ‘azzjoni neċessarja’, wara li folol ta’ dimostranti kienu attakkaw il-bini federali f’dik il-belt.

Il-belt ta’ Portland għaddiet minn 61 jum konsekuttiv ta’ protesti li eskalaw wara li l-uffiċjali federali kienu daħlu fl-inħawi, dan ix-xahar.

Il-protesti f’Portland bdew bħala parti mir-rallies – fuq livell nazzjonali — favur il-ġustizzja u kontra d-diskriminazzjoni razzjali li kienu xprunati mill-qtil, f’Mejju, ta’ George Floyd, ir-raġel Afrikan-Amerikan li tilef ħajtu wara li spiċċa arrestat mill-pulizija fil-belt ta’ Minneapolis, f’Minnesota.

Min-naħa tiegħu, il-President Trump wissa li kapaċi jibgħat il-qawwiet tas-sigurtà lejn bliet oħrajn biex jiddefendu lill-bini federali ‘mill-attakki ta’ anarkisti u persuni li jridu jqajjmu l-inkwiet ġdid biex jissodisfaw xi aġenda partikulari’.