Lokali Qorti

Tkompli l-inkjesta Maġisterjali fuq l-inċident ta’ Melvin Theuma bix-xhieda tal-paramediċi

Numru ta’ paramediċi xehedu fl-Inkjesta Maġisterjali dwar l-inċident ta’ Melvin Thuema, s-sensar fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li ġimgħa ilu sofra minn ġrieħi serji fl-istonku, il-polz u anke f’għonqu.

Skont il-Pulizija, l-ġrieħi għamilhom fuqu nnifsu Thuema stess hekk kif kull min kellu x’jaqsam mal-investigazzjoni, kien preżenti fejn seħħ l-inċident jew kellu nitfa ta’ nformazzjoni irid jagħti l-verżjoni tiegħu.

Dawn jinkludu wkoll dawk li ttrasportaw lil Melvin Theuma fl-ambullanza mir-residenza tiegħu fis-Swieqi għall-Isptar Mater Dei. Persuni oħra li taw jew għad iridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom minbarra esperti mediċi, huma esperti tal-marki tas-swaba, dawk tal-fotografija u esperti oħra mqabbda mill-Qorti.

Irid jiġi stabbilit jekk huwiex stat ta’ fatt li kien Theuma li pprova jweġġa’ lilu nniffsu jew setax kien hemm terzi persuni, anke jekk din l-ipoteżi hija ferm remota.

L-inkjesta wkoll minbarra li trid tagħmel xogħolha sewwa, trid tiddeċiedi fi żmien raġonevoli u mingħajr dewmien. Dan minħabba wkoll l-importanza ta’ Theuma li ngħata l-Maħfra Presidenzjali biex jgħid dak kollu li jaf dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din l-inkjesta hija waħda privata fejn lanqas l-Avukati tiegħu, Matthew Brincat u Kathleen Grima ma jistgħu jkunu preżenti għaliha. Melvin Theuma, li għandu l-proklama biex jixhed fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, għadu qed isofri minn ġrieħi serji.

Theuma, li qed jipponta subajh fil-konfront ta’ Yorgen Fenech fil-każ tal-omiċidju kellu jixhed waqt is-seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għaddew fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tas-sid ta’ 17 Black, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista.

Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, kienet ippreżentata fil-Qorti fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għaddew.

Il-kundizzjoni ta’ Theuma tjiebet xi ftit wara li ħareġ mill-ITU u tpoġġa f’sala fl-Isptar. Madankollu problema medika fil-konfront ta’ Theumna hija li mal-għonq imħanxar instab ukoll li parti mill-pajp tan-nifs tiegħu huwa maqtugħ u għalhekk se jkun diffiċli ħafna biex fi żmien qarib hu jkun jista’ jerġa’ jitkellem.

Kien tard it-Tlieta filgħaxja, l-21 ta’ Lulju li nqalgħet kommossjoni għall-ħabta tad-9.15pm. fi Triq is-Sirk, wara li l-avukat ta’ Theuma, Kathleen Grima ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt miegħu, u nġibdet l-attenzjoni tal-Pulizija mill-istess avukat.

Hekk kif ġew infurmati l-pulizija li tkun għassa fuq barra tar-residenza ta’ Theuma 24 siegħa kuljumn, daħlet fir-residenza flimkien ma’ mart Melvin Theuma u sabet lil Melvin Theuma jsofri minn ġrieħi ma’ l-art f’għadira demm mitluf minn sensih.