Lokali

Aktar tobba jappellaw biex ma jsirux attivitajiet tal-massa

L-Assoċjazzjoni tal-physicians ta’ Malta tinnota b’dispjaċir iż-żieda riċenti fil-każijiet COVID-19.

Fi stqarrija, huma qalu li dan bla dubju għandu x’jaqsam mal-fatt li qed jinżammu diversi avvenimenti tal-massa fejn id-distanza soċjali ma tistax tiġi prattikata.

Is-sagrifiċċju li saru kemm mill-professjonisti tas-saħħa kif ukoll mill-pubbliku ġenerali qed jiġi mhedded. Huma saħqu li r-regħba ta’ ftit poġġiet is-saħħa tan-nazzjon f’riskju.

L-Assoċjazzjoni tfakkar ukoll lill-awtoritajiet li żieda drastika fil-każijiet COVID-19 ikollha effetti ekonomiċi u soċjali profondi minbarra li tipperikola s-saħħa pubblika.

L-Assoċjazzjoni għalhekk tappoġġja s-sejħa li saret mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija u bosta oħrajn biex tipprojbixxi avvenimenti tal-massa fejn id-distanza soċjali ma tistax tiġi prattikata jew ma tistax tiġi kkontrollata b’mod adegwat u wkoll biex tillimita l-ivvjaġġar lejn u minn pajjiżi b’riskju għoli.

Jenfasizzaw wkoll l-importanza kritika ta’ implimentazzjoni konsistenti u effettiva tat-tliet miżuri essenzjali tas-saħħa pubblika – L-ilbies ta’ maskri f’postijiet pubbliċi, distanza soċjali u ħasil ta’ idejn frekwenti.