Coronavirus Lokali Saħħa

Anke l-Awditur Ġenerali jgiddeb dak li qal Keith Schembri

Nhar il-21 ta’ Lulju 2020, l-NAO wassal ittra bl-idejn fir-residenza ta' Schembri

L-eks Chief of Staff ta’ Muscat qed jgħid li rċieva komunikat mill-Awditur Ġenerali fis-27 ta’ Lulju; l-Awditur qed jgħid li din l-ittra twasslet ġimgħa qabel.

Huwa dan l-aħħar żvilupp li feġġ wara li lbieraħ kienet ippubblikata stqarrija oħra iebsa mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali b’rabta mad-deal tal-isptarijiet li sewa lil pajjiżna miljuni kbar.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) irrefera għal dak li ntqal minn Keith Schembri rigward korrispondenza mingħand dan l-Uffiċċju li waslitlu ġurnata qabel il-pubblikazzjoni tal-MoU tal-Vitals.

L-NAO qal illi kien għamel diversi tentattivi bit-telefon biex jikkuntattja lil Schembri wara li l-involviment tiegħu fil-MoU nġieb għall-attenzjoni tal-Awditur Ġenerali. Kif ukoll ipprova jikseb l-indirizz elettroniku ta’ Keith Schembri, madankollu ma rnexxilux.

Fl-istqarrija jintqal illi nhar il-21 ta’ Lulju 2020, l-NAO wassal ittra bl-idejn fir-residenza ta’ Schembri. Dan minbarra li l-istess ittra intbagħtet ukoll bil-posta rreġistrata l-għada, it-22 ta’ Lulju 2020. 

B’hekk, l-Awditur igiddeb dak li qal Schembri fl-affidavit tiegħu.