Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ġiet approvata l-mozzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-kampjonati nazzjonali għall-istaġun 2020/21. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol Malti, il-Kampjonat Premier se jinkludi 16-il tim, 15-il klabb se jiffurmaw dak li se jkun imsejjaħ iċ-Challenge League filwaqt li t-tielet saff tal-futbol Malti se jissejjaħ National Amateur League. F’dan il-kampjonat b’format ġdid se jinkludi daw it-timijiet li kienu jiffurmaw it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni.
Fil-Kampjonat Premier se jkun hemm erba’ relegazzjonijiet filwaqt li min jispiċċa fit-12-il post jilgħab play-off mat-tim li jtemm it-tielet fiċ-Challenge League. L-istess jgħodd għaċ-Challenge League li se jinkludi 15-il tim, bl-aħħar erba’ timijiet ikunu relegati filwaqt li l-ewwel tnejn ikunu promossi għall-Kampjonat Premier.
In-National Amateur League se jinkludi 23 tim fi tliet gruppi. Ir-rebbieħa ta’ dawn il-gruppi jiksbu l-promozzjoni għaċ-Challenge League filwaqt li min jispiċċa t-tieni, it-tielet u r-raba’ f’kull grupp jilagħbu fuq bażi ta’ knock-out biex ikun deċiż ir-raba’ tim li jkun promoss.
Dwar il-kampjonati tal-Minors, l-istaġun li ġej se jinvolvi erba’ diviżjonijiet minflok ħamsa. Dan ifisser li Sezzjonijiet A, B u Ċ se jinkludi 12-il tim minflok 10 filwaqt li l-kumplament tat-timijiet ikunu f’Sezzjoni D.
//= $special ?>