Wara li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu u ma ħax azzjoni biex jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet kbar tal-massa, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija ħabbret tilwima industrijali.
It-tobba qed jgħidu li ħadu din id-deċiżjoni minħabba l-indħil kontinwu li qed ikollha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fix-xogħol tagħha; indħil mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qed imur kontra l-pariri xjentifiċi tal-esperti.
Il-MAM qalet li l-azzjonijiet tal-Gvern ifissru theddida fuq is-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema fl-isptarijiet u l-qraba tagħhom.
L-assoċjazzjoni tat-tobba għalhekk ħabbret din il-tilwima industrijali, u insistiet li minn nhar it-Tnejn ma jkunux permessi gruppi ta’ aktar minn 10 persuni. U jekk hemm diġa’ permessi għal attivitajiet, dawn jiġu irtirati.
Qed jintalab ukoll li pajjiżna jerġa’ jiddikjara emerġenza medika.
Jekk is-sitwazzjoni ma tinbidilx, il-MAM lesta tħarrex l-azzjonijiet u titlob lit-tobba jaħdmu biss fuq sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Mhux eskluż ukoll azzjoni legali.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.