Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: “Mhux qed tingħata l-istampa sħiħa”

Il-MAM qed tgħid li pajjiżna għandu jerġa' jiddikjara emerġenza medika

Numru ta’ tobba u infermiera fl-aħħar sigħat ilmentaw ma’ Net News għall-fatt li l-Gvern mhux jagħti d-dettalji sħaħ relatati mal-Covid-19, tant li illum biddel in-numri tal-każi attivi u t-total ta’ każi li kellna mis-7 ta’ Marzu ‘l hawn.

Fil-fatt, kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Ministeru tas-Saħħa, il-każ attivi illum telgħu għal 112, filwaqt li t-total issa sar 786…u mhux 720 kif intqal fuq il-Facebook Page tal-Ministeru.

Li għamel il-Ministeru kien li qabad u elimina s-66 immigrant li ttestjaw pożittivi.

Fi statistiċi u stqarrijiet tal-ġimgħat u x-xhur li għaddew, meta kien hemm każ relatat ma’ immigranti dan dejjem ġie miżjud mat-total.

Dan wassal għal baraxx ta’ kritika minn esperti mediċi, ħaddiema u profesjonisti li kollha qed jiġbdu l-attenzjoni fuq dan in-nuqqas flagranti.

L-istess tobba stqarrew ma’ Net News li issa wasal il-mument li l-Professur Charmaine Gauci terġa’ tibda tagħti l-Bulettin Mediku tagħha. Il-MAM minn naħa l-oħra qed tgħid li pajjiżna għandu jerġa’ jiddikjara emerġenza medika.

Fl-aħħar 24 siegħa, ma kellna ebda każ ta’ persuni li fiequ mill-Covid-19.