Lokali

“Entużjażmu ġdid fil-Partit Nazzjonalista”

Stqarrija tal-maġġoranza tal-Membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista

Deskritta bħala ġurnata speċjali u storika għall-Partit Nazzjonalista hekk kif jibda proċess li mhux biss diġà qed iwassal għal entużjażmu ġdid fi ħdan il-partit, iżda, bl-għażla ta’ Kap tal-Partit, ikun il-poplu Malti u Għawdxi li jerġa’ jibda jħares lejn il-Partit Nazzjonalista bħala għażla alternattiva u kredibbli.

Hekk qalu numru ta’ deputati tal-PN li huma favur li jkun hemm għażla favur elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija tgħid li l-Kunsillieri tal-PN għandhom fuqhom piż mhux żgħir biex illum, il-Ġimgħa u s-Sibt jiddeċiedu x’għażla se jintalbu jagħmlu t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista. “Aħna konvinti li l-Kunsilliera kollha se jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-Partit u tal-pajjiż billi jagħtu l-opportunità lit-tesserati jeleġġu Kap tal-Partit Nazzjonalista”.

Dawn id-deputati qalu li l-aħbarijiet tal-aħħar jiem diġà bdew joħolqu l-entużjażmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, b’diversi individwi validi jiddikjaraw li lesti jservu lill-partit fi kwalunkwe kariga li hemm bżonn, inkluż dik ta’ Kap tal-Partit

Din hi konferma li minkejja li fl-aħħar tliet snin kien hemm min bired mill-politika jew saħansitra tilef il-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista, elezzjoni għal Kap se tattira nies ġodda fil-Partit u terġa’ toħloq l-entużjażmu u l-impenn għal aktar ħidma li huma tant meħtieġa sal-elezzjoni ġenerali.

“L-appell tagħna lill-Kunsilliera tal-Partit hu wieħed: din il-ġimgħa vvotaw b’moħħkom u b’qalbkom fl-aħjar interessi tal-Partit u tal-pajjiż, biex tassiguraw li l-Partit Nazzjonalista jkun fil-pożizzjoni li tixraqlu.”