Il-Ministru Evarist Bartolo li qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal li minkejja li kien kellem lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat, lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi ma sar xejn. Bartolo qal li dawk involuti fil-Panama Papers kien qalilhom li għandhom jitilqu. Imma huma ma telqux.
Bartolo qal li anke kien qajjem dan il-punt fil-kabinett imma l-istess baqa’ ma sar xejn. Qal li hu flimkien ma oħrajn, fix-xahar ta’ Diċembru, komplew jimbuttaw biex issir bidla u għalxejn u tenna li s-soċjetà ċivili “għamlet sew” li ħarġet fit-toroq tipprotesta.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin kien qed iwieġeb għal domanda li saret mill-Avukat Therese Comodini Cachia li flimkien mal-Avukat Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.
L-Imħallef Abigail Lofaro staqsiet lill-Ministru dwar il-vot ta’ fiduċja unanimu f’Novembru tal-2019 fil-Prim Ministru. Staqsiet x’seta’ ġara li kieku xi ħadd astjena jew ivvota kontra u għaliex hu m’għamilx hekk.
Qal li kien waħdu dak iż-żmien u kieku għamel hekk ma kien ibiddel xejn. Qal li hu pubblikament wera kemm-il darba x’kienet il-pożizzjoni tiegħu dwar dan il-każ. Lofaro qalet li forsi l-affarijiet kienu jinbidlu li kieku jekk mhux jivvota kontra, xi ħadd kien jastjeni.
Bartolo għamel ukoll aċċenn għad-diskors li kien għamel fil-Parlament fl-4 ta’ Mejju tal-2016. F’dan id-diskors qal li kien irreaġixxa għall-aħbar tal-Panama Papers. Qal li persuna fin-negozju li tiftaħ kontijiet, fil-ħajja pubblika żgur li mhux aċċettabbli.
L-Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal li għall-pubbliku bħal qisu jidher li ma ġara xejn u f’ħinijiet minnhom qal li biex din l-inkjesta tasal għall-konklużjoni tagħha għandha bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd. Imma kulħadd ifarfar, kulħadd iwaħħal f’ta’ taħtu.
Il-Bord ta’ Inkjesta mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u li huwa magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro qal li din mhix inkjesta fuq id-delitt, iżda l-aspett amministrattiv biex ikun identifikat jekk kienx hemm xi nuqqas li seta’ wassal għal dan.
Said Puliccino qal li l-verità xi ħadd irid jgħidilhom. Qal li din l-inkjesta qed issir biex joħorġu n-nuqqasijiet. Insista li kulħadd irid jieħu r-responsabbiltajiet tiegħu. L-Imħallef Abigail Lofaro li wkoll hija membru tal-Bord qalet li r-responsabbilità hija waħda kollettiva, u hemm bżonn li jitkellmu f’din l-inkjesta.
Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino kkwota wkoll Tweet ta’ Bartolo li tmur lura għal Diċembru fejn semma l-Panama Papers. Bartolo qal l-Panama Papers kienu wkoll lok għall-evażjoni tat-taxxa.
Bartolo sostna li min jaħsel il-flus u jgawdi mill-korruzzjoni qas jinkwieta li jmur il-Qorti u jdum 13-il sena biex jinqata’ l-każ. Insista li hemm bżonn liġijiet apposta biex wieħed iħallas għal għemilu mingħajr dewmien. Bartolo qal li huwa jittama li “nitgħallmu” biex isiru l-bidliet neċessarji.
Fil-bidu tax-xhieda l-Ministru kien mistoqsi dwar l-involviment ta’ Neville Gafà mal-Ministeru tiegħu bil-Ministru Bartolo jgħid li hu ilu sitt xhur jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Affarijiet Barranin u Gafa qatt ma kellu involviment.
Fuq in-negozjati mal-Libja, Bartolo xehed li minn meta sar Ministru ra bis-serjeta li Gafà ma jitħalla jkollu l-ebda rwol fil-Ministeru tiegħu. Fuq mistoqsija tal-membru tal-Bord l-ieħor l-eks Imħallef Michael Mallia, Bartolo qal li minn wara l-ewwel inċident Gafà ma kellu l-ebda rwol fil-Ministeru.
Fuq mistoqsija oħra qal dwar ir-rwol li kellu qabel qal li hu ma jistax iwieġeb dwar affarijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru. Huwa qal ukoll li sa fejn jaf hu Gafa m’għandux passaport diplomatiku, u li iżda biex ikun ċert se jara sew l-affarijiet, u jekk jirriżulta li għandu, dan jitneħħa.
L-avukat Therese Comodini Cachia staqsiet lill-Ministru biex jivverifika l-files tal-Ministeru x’kien hemm dokumentazzjoni u jekk kellux passaport dipplomatiku. Bartolo wieħeb li din mhux problema għalih u li lest li jekk ikollu xi informazzjoni oħra kien se jgħaddiha u jgħidha fil-Qorti.
Dwar verifiki fuq Gafa, Bartolo qal li hu ma kellux bżonn jagħmel verifikigħa x hu ma kellu l-ebda intenzjoni li jingaġġah fil-Ministeru tiegħu. Tenna li jekk persuna jkun se jħaddimha fil-Ministeru tkun responsabbiltà tiegħu li jinforma ruħu dwarha. Sostna li b’hekk ħass li ma kienx hemm bżonn li jivverifika l-allegazzjonijiet.
Madankollu qal li l-informazzjoni li qed titlob il-Qorti tkun tista’ tiġi akkwistata mill-Ministeru għall-Intern u mhux mill-Ministeru tiegħu. L-Avukat Comodini Cachia tenniet li l-allegazzjoni hija li Gafà mar il-Libja biex jinnegozja f’isem il-Gvern.
Staqsiet kif azzjoni bħal din tiġi kkordinata u jekk xi ħaġa bħal din hijiet prerogattiva tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jew minn naħa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Bartolo wieġeb li Gafà ma ntbagħatx hemm fuq ordni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Bartolo qal li f’dawn is-sitt xhur li ilu fl-Uffiċċju, hu jikkomunika r-relazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn permezz tal-Ambaxxaturi u ħadd aktar. Il-bord ikkwota diversi partijiet ta’ diversi posts u qal li l-ħsieb ta’ Bartolo kien idur dwar ħbiberiji u networks li ma kellhomx ikunu. Il-bord qal li huwa konxju li Bartolo kien qed jara ċertu affarijiet u nuqqasijiet.
Bartolo qal li spiċċajna b’żewġ Gvernijiet u li jkollok Gvern li jidher fuq quddiem, imbagħad ikollok il-Gvern ta’ wara l-kwinti. Il-kelliem qal li hu kien wissa kemm il-darba fuq il-ħsara li seta’ jsir lill-pajjiż.
Hawn il-Bord qal li kien qed jirrikonoxxi li l-Ministru Bartolo kien l-unika wieħed li tkellem fuq ċertu affarijiet ta’ korruzzjoni. Sostna l-kelliem li hu minn età żgħira kien jaħseb li waħda mill-problemi ta’ Malta huwa ċ-ċokon tal-pajjiż.
Dan iċ-ċokon qal li jġib inċest perikoluż ħafna, diġenerazzjoni ġenetika, imma wkoll deġenerazzjoni fil-ħajja. Qal li l-periklu ta’ pajjiżi żgħar ħafna huwa dan.
Qal li kien irrealizza li l-pajjiż għandu żewġ kabinetti. Dawk li jiltaqgħu f’Kastilja u dawk li jiltaqgħu fuq f’xi razzett jew fuq xi dgħajsa u hemm jikkontrollaw kif jistgħu d-destin tal-pajjiż. Qal li personalment iħoss li hemm bżonn eżami nazzjonali tal-kuxjenza, kemm politiċi, Qrati u oħrajn.
Qal li l-pajjiż hemm bżonn li jfiq minn ħafna nuqqasijiet. Meta kien Ministru għall-Edukazzjoni kien hemm min kien jitolbu diversi pjaċiri, bħal scholarships u anke tibdil fil-marki.
Bartolo qal li huwa jemmen l-finanzjarjament tal-partiti jrid ikun pubbliku biex dawn ma jibqgħux f’idejn in-negozjanti. Jekk dawn l-affarijiet mhux se jinbidlu, allura se nibqgħu bil-problemi.
Il-Ministru Evarist Bartolo staqsa jekk kienx l-ewwel Ministru li tressaq biex jixhed f’din l-inkjesta, bil-Bord iwieġeb fl-affermattiv u dan għax kien wieħed mill-aktar voċiferi. Il-bord ikkjarifika wkoll li Bartolo mhux se jkun l-aħħar Ministru li se jixhed fil-Qorti.
Il-Ministru Bartolo tkellem ukoll dwar is-servizzi finanzjarji u qal dak li sfortunatament dak li kien bena Dr Mario Felice tkisser. Min ġie warajh, kien protett minn Ministru wara l-ieħor, u qal li hu kien qed jirreferi għal Joe Bannister, li skont hu ma tax eżempju tajjeb billi anke hu feraħ kontijiet moħbija.
Dwar FOIs miċħuda lill-ġurnalisti, Bartolo qal li ma jaqbilx ma’ dan, dik li ma tingħatax l-informazzjoni. Qal li hu ħadem biex jidħol l-Uffiċċju tal-Ombudsman, biex jitneħħa l-libell kriminali u jrid li tkun indirizzata l-iSLAPP. Qal li hu jemmen li l-informazzjoni f’demokrazija hija kruċjali.
L-Avukat Jason Azzopardi staqsa meta sar jaf li l-elezzjoni tal-2017 kienet se ssir fl-2017 u huwa wieġeb li sar jaf ftit jiem qabel ma tħabbret. Tenna li ma kienx ħa din id-deċiżjoni b’sorpriża għaliex il-klima politika hekk kienet titlob.
Dwar x’kienet ir-raġuni għaliex John Rizzo kien tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija, l-kelliem qal li sa fejn kien jaf hu, id-deċiżjoni dejjem kienet tal-Prim Ministru, imma issa fortunatament inbidlet.
Fuq mistoqsija oħra tal-Avukat Jason Azzopardi dwar dikjarazzjonijiet ta’ “network sigriet” u jekk kellux informazzjoni jekk dan in-network sigriet ikunx mażunerija.
Bartolo qal li m’għandux aċċess għal-listi tal-mażunerija u li kieku kien jaf ma kienx ikollu problema li jwieġeb. l-Avukat Azzopardi staqsa jekk Bartolo jaqbilx li Keith Schembri kienx il-vera Prim Ministru. Hawn intervjena l-Imħallef Said Puliccino, li talab lil Bartolo biex ma jweġibx din id-domanda.
Dwar jekk Nexia BT kellhomx uffiċċju Kastilja, Bartolo qal li ma jafx. Nhar il-Ġimgħa għandu jixhed l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista u fit-12 ta’ Awwissu mistenni jixhed il-Ministru Edward Scicluna jekk ikun f’Malta. Il-ġimgħa d-dieħla il-Bord mhux se jisma’ xhieda.