Impenn mal-Familji Lokali

Farsons tippreżenta donazzjoni lill-Caritas u ġġedded il-ftehim magħha

Dan l-aħħar ġiet ippreżentata għotja ta’ €4,800 lis-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, mis-Sur Louis A. Farrugia, Chairman tal-Grupp Farsons, fil-preżenza tas-Sur Anġlu Fenech u s-Sa Marica Cassar, minn Caritas Malta, u s-Sa Antoinette Caruana, minn Farsons.

Id-donazzjoni tinkludi l-qligħ li sar mill-bejgħ tal-pubblikazzjoni tas-Sur Farrugia “40 Years at the Helm” lill-impjegati attwali u rtirati tal-kumpanija, is-sussidjarji u l-kumpaniji assoċjati. Is-somma mbagħad żdiedet mis-Sur Farrugia, personalment, u telgħet għal €4,800.

Il-ktieb 40 Years at the Helm ħareġ f’Diċembru 2019 u huwa xhieda u ċelebrazzjoni tar-rieda u l-ħila tal-Maltin li jegħlbu b’mod intelliġenti numru ta’ sfidi, inklużi dawk tal-kompetittività f’livell Ewropew u globali.

Is-Sur Farrugia, li ilu fit-tmun ta’ Farsons għall-aħħar 40 sena, f’dan il-ktieb jaqsam l-esperjenzi tiegħu bħala intraprenditur u mexxej soċjali fil-kuntest tal-bidliet radikali fix-xenarju soċjo-politiku u ekonomiku internazzjonali u Malti.

Simonds Farsons Cisk plc ġeddedt ukoll il-ftehim tagħha ma’ Caritas Malta għal tliet snin oħra. Matul it-tliet snin li ġejjin, Caritas Malta flimkien mad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-kumpanija, se joffru Programm ta’ Assistenza għall-Impjegati li jindirizza kwistjonijiet soċjali/personali partikolari tal-impjegati jew kwistjonijiet li jaffettwawhom fil-post tax-xogħol tagħhom.

Caritas Malta se tipprovdi wkoll, bla ħlas, servizzi relatati mar-riabilitazzjoni, il-konsulenza u l-assistenza fi grupp lil impjegati li jitolbu dawn is-servizzi.

Il-missjoni ta’ Caritas Malta hi li ttaffi l-faqar u tippromwovi l-iżvilupp uman u l-ġustizzja soċjali bi programmi edukattivi ta’ prevenzjoni ffukati kontra l-abbuż mid-droga.

Fost il-ħafna servizzi tagħha, Caritas Malta toffri Taqsima għall-Konsulenza, Taqsima għall-Ħidma Soċjali, Programm ta’ Assistenza għall-Impjegati u Taqsima għall-Komunità u l-Istil tal-Ħajja.