Internazzjonali

Iċ-Ċina tiċħad dwar il-hacking tan-networks tal-Vatikan

Iċ-Ċina qed tfisser bħala ‘infondati’ l-akkużi tal-Istati Uniti fis-sens li numru ta’ hackers ‘irrelatati ma’ Beijing’ irnexxielhom jinfiltraw in-networks tal-kompjuter tal-Vatikan.

Kelliema għar-reġim komunista, fl-istess ħin, qalu li l-Istati Uniti għandha tipprovdi provi suffiċjenti għal dawn l-akkużi minflok toħroġ minnufih bl-istqarrijiet mingħajr bażi.

L-istess kelliema enfasizzaw li ċ-Ċina ‘dejjem iddefendiet is-sigurtà ċibernetika filwaqt li topponi l-aġir illegali bħall-hacking u abbużi oħrajn tas-sistema.’

Fi żvilupp ieħor, iċ-Ċina anki esprimiet rabja dwar id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea biex tillimita l-esportazzjoni ta’ tagħmir għal sorveljanza lejn Hong Kong minħabba liġi tas-sigurtà ġdida – u kontroversjali — li Beijing għadu kemm impona fuq l-eks-kolonja Britannika ( Hong Kong).

Iċ-Ċina qalet ukoll li ressqet ‘ilmenti qawwija’ mal-UE dwar din is-sitwazzjoni u sostniet li l-miżuri tal-Unjoni Ewropea ‘ qed jabbużaw il-kriterji internazzjonali bażiċi li ma jippermettux l-indħil fl-affarijiet interni ta’ pajjiż partikulari.’