Lokali

Il-Knisja titlob li jittieħdu deċiżjonijiet meħtieġa

Xprunata mill-aħbar tal-mewt traġika ta’ Miriam Pace fit-13 ta’ Marzu 2020, f’waħda mill-istqarrijiet tagħha, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tenniet dak li kienet qalet fi stqarrijiet oħra qabel, jiġifieri, li kien “wasal iż-żmien li l-awtoritajiet juru biċ-ċar fejn huma l-prijoritajiet tagħhom u, b’kuraġġ, jieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli li messhom ilhom li ttieħdu.

Minkejja li jistgħu jkunu skomdi għal xi wħud, dawn id-deċiżjonijiet jagħmlu ġieħ lill-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni. Il-memorja ta’ Miriam Pace u ta’ dawk kollha li b’xi mod spiċċaw vittma tal-industrija tal bini ma jixirqilhomx inqas minn hekk”.

B’xorti ħażina din it-traġedja ma kellhiex tkun l-aħħar waħda qabel naqilbu folja ġdida. L-għeluq ta’ dan il-kapitlu ikrah fl-istorja tal-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna kien għadu fil-bogħod. F’temp ta’ erba’ xhur il-lista ta’ fatalitajiet fuq il-lant tax-xogħol kompliet tiżdied b’mewt fl-Imġarr f’April, oħra f’Ħaż-Żabbar f’Ġunju, u issa oħra f’Bormla f’dan ix-xahar. Kważi mewta kull xahar!

Il-KA tixtieq tawgura fejqan ta’ malajr lill-ħaddiem l-ieħor li weġġa’ f’dan l-istess inċident. Fl-istess ħin tingħaqad ma’ diversi assoċjazzjonijiet u ċittadini li kemm-il darba wrew l-għadab tagħhom quddiem in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja u lejn id-dinjità umana li teżisti f’din l-industrija.

Il-KA tappella lill-awtorijiet sabiex jitħaffu kemm jista’ jkun il-proċeduri biex issir ġustizzja ma’ kull min bata xi tip ta’ konsegwenzi b’dak li ġara. Fuq kollox tħeġġiġhom ukoll biex b’mod immedjat, konkret u deċiżiv, iniedu l-kontrolli meħtieġa sabiex dan il-kapitlu mdemmi — li jagħmlilna għajb bħala pajjiż li għadu jħaddan il-valur tal-ħajja — jingħalaq darba għal dejjem.