Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista għandu jerġa’ jsir rebbieħ b’konvinzjoni”

Stqarrija minn membri tal-Kunsill Ġenerali li qed jimbuttaw għażla favur vot ta' fiduċja fil-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista hu proċess importanti mmens fl-istorja tal-PN, u fih il-kunsillieri għaqlin tal-partit se jiġu msejjħa għal darb’oħra biex jikkonfermaw li nibqgħu għaddejjin bir-riformi kbar li saru matul dawn l-aħħar tliet snin taħt it-tmexxija tal-Kap tal-PN Adrian Delia; riformi li diġa’ kienu bdew isarrfu f’tisħiħ tal-partit tagħna.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa minn grupp ta’ kunsillieri tal-PN illi qed jimbuttaw l-għażla favur vot ta’ fiduċja minn naħa tat-tesserati fil-Kap tal-PN Adrian Delia.

Fi stqarrija, intqal illi mill-bidu nett kien hemm sforzi kbar mill-Kap preżenti biex bl-istil ġdid ta’ tmexxija u permezz ta’ dawn ir-riformi kollha, l-partit jingħaqad bis-saħħa tal-valuri Nazzjonalisti li jagħmluna partit politiku uniku. “Dan ma ntlaqax tajjeb minn ftit uħud u għaldaqstant illum ninstabu f’salib it-toroq u rridu nerġgħu nikkonfermaw l-għażla tagħna li għamilna għal darba, darbtejn f’votazzjonijiet preċedenti.”

L-istqarrija tfakkar li illum hemm votazzjoni bikrija f’Kunsill Ġenerali straordinarju li sejjaħ il-Kap tal-PN stess; avveniment storiku u ta’ importanza liema bħalha fejn il-partit permezz ta’ din il-votazzjoni għandu jibqa’ jkun il-partit tan-nies u għaldaqstant jerġa’ jafferma u jonora l-vot ta’ dawk l-eluf ta’ tesserati li bl-aktar mod demokratiku vvutaw biex Adrian Delia jkun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Lulju tal-2017 u għat-tieni darba f’Lulju tas-sena li għaddiet.

“B’partit masqum nafu lkoll li ma nistgħux nidhru kredibbli u wisq anqas nerbħu elezzjoni ġenerali” qalu l-membri tal-Kunsill Ġenerali. “Nirbħu biss bi pjan ta’ ħidma bil-għaqal, mirqum minn nies differenti li ġejjin minn mixjiet tal-ħajja differenti. Pjan li Adrian Delia ilu li beda tliet snin għax jemmen f’partit wieħed, partit b’saħħtu magħmul minna lkoll.”

Il-Kunsillieri għandhom quddiemhom għażla ta’ importanza kbira, kruċjali fejn il-partit għandu jibqa ta’ kulhadd.

L-istqarrija tgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu jerġa’ jsir rebbieħ b’konvinzjoni permezz tar-riformi li bdew diġa’ jiffunzjonaw u li wasslu għal statut ġdid, li joffri dik il-kontinwita’ tant meħtieġa bi ftit snin jew xhur
biss qabel elezzjoni ġenerali li jmiss.

“Il-Kunsillieri kollha għandhom ihossuhom onorati li għal darba’oħra se nerġgħu nkunu aħna li se niddeċiedu li nivvutaw favur id-demokrazija, favur il-vuċi tagħna n-nies, li għandha tinstema’ għax bl-għaqda tagħna kollha flimkien nerġgħu nkunu l-partit rebbieħ wara l-Kap Adrian Delia.”