Lokali

“Il-Prim Ministru għamel ta’ rasu” – it-tobba

Il-Prim Ministru kellu parir li jiftaħ bil-mod, iżda baqa’ jagħmel ta’ rasu. Hekk kif waslet konferma oħra li Robert Abela ma mexiex fuq ir-Risk Assessments li kellu saret dikjarazzjoni iebsa mill-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija.

Tul il-pandemija kollha, kienu ħafna l-mistoqsijiet indirizzati lill-Prim Ministru biex jippubblika dawn ir-Risk Assessments iżda hu dejjem farfar il-mistoqsija fuq il-Professur Charmaine Gauci. Minkejja dan, f’kull konferenza tal-aħbarijiet, qatt ma ħalla lis-Suprintendent tas-Saħħa titkellem dwar dan. Minn dakinhar il-Gvern intalab diversi drabi jippubblika r-Risk Assessments li tkellem dwarhom Robert Abela.

Net News talab kopja tar-rapporti lis-Suprintendent u anke lill-Ministeru tas-Saħħa, u għamel ukoll talba skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Madankollu din it-talba ġiet irriffjutata. U fl-aħħar sigħat, tkellem dwar dan anke l-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Martin Balzan waqt li kien intervistat fuq il-programm ‘Magħkom’ fuq Net TV.