Futbol Sport

It-titjib fis-sistemi diġitali u s-setturi amministrattivi u tekniċi fil-qalba tal-ħidma tal-MFA fl-istaġun 2019/20

(Ritratt: Domenic Aquilina/MFA)

Fir-Rapport Amministrattiv li ġie approvat, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti elenka s-sena impenjattiva li kellha l-assoċjazzjoni. L-istaġun 2019/2020 kien importanti minħabba li fisser il-bidu tal-ħidma tal-President Bjorn Vassallo. “Hu normali li President ġdid iġib miegħu ideat ġodda,” b’Chetcuti jsemmi kif anki internament kien hemm numru ta’ ċaqliq. Hu għamel lista ta’ diversi prijoritajiet matul l-aħħar sena fosthom l-aspett tekniku tal-logħba, il-grassroots, l-amministrazzjoni u s-sistemi diġitali.

Fuq l-aspett tekniku, Angelo Chetcuti semma ż-żieda tal-istaff tekniku fiċ-Ċentru Tekniku u fosthom l-introduzzjoni ta’ kordinatur tekniku. Dwar il-grassroots intqal li fil-passat forsi kienet tittieħed ovvja li t-tfal jilagħbu l-futbol u saħaq dwar l-importanza li għandha tingħata f’dan is-settur. Fl-aspett tekniku wkoll, issemma li bħalissa għaddej it-tieni edizzjoni tal-UEFA Pro. Dan għandu jwassal biex issir qabża fir-rekwiżiti tal-kowċis għall-istaġun li ġej. Il-ħidma fis-settur amministrattiv kompliet taġġorna ruħha b’sistemi diġitali ġodda bħal Iterpro, Instat u t-tisħiħ tal-COMET. Dawn is-sistemi diġitali għandhom jgħinu kemm lill-MFA kif ukoll lill-klabbs biex itejbu l-ħidma tagħhom f’dan l-aspett.

Chetcuti tkellem ukoll dwar il-proġett ta’ sit elettroniku ġdid, l-iskemi tal-MFA li se jerġgħu jkunu disponibbli kif ukoll li l-MFA saret Organizzazzjoni Volontarja. Angelo Chetcuti ħabbar ukoll li l-MFA ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha biex torganizza l-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena fl-2024. Dwar il-Football Social Responsibility, is-Segretarju Ġenerali qal li attiraw mas-€600,000 fondi mill-Unjoni Ewropea li tqassmu f’diversi organizzazzjonijiet.