Futbol Sport

Jintlaħaq ftehim biex Mbong isir plejer ta’ Ħamrun Spartans

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Dikjarazzjoni oħra minn Ħamrun Spartans li jridu jitjiebu hekk kif finalment laħqu ftehim ma’ Hibernians biex jakkwistaw lill-plejer internazzjonali Malti Joseph Mbong b’kuntratt ta’ ħames snin. Il-Ħamruniżi kellhom ftehim ma’ Mbong għal diversi jiem iżda kienu għadhom qed ifittxu li jilħqu l-ftehim mal-Pawlisti li għamlu dak li setgħu biex iżommu l-plejer li għalihom kien importanti.

Mbong li għandu 23 sena, ilu jifforma parti mit-tim ewlieni ta’ Hibernians għal dawn l-aħħar sitt staġuni. Ma’ Hibernians, Mbong rebaħ darbtejn il-kampjonat u lagħab aktar minn 100 partita fil-Kampjonat Premier. Dan se jkun l-ewwel trasferiment għalih fix-xena lokali hekk kif dejjem lagħab ma’ Hibernians b’eċċezzjoni għal erba’ xhur li lagħab ma’ Inter Zapresic fil-Kroazja.

Mbong se jagħti għażla importanti lill-kowċ Mark Buttigieg. Hu kapaċi jilgħab kemm fuq il-lemin kif ukoll fix-xellug tad-difiża u nofs il-grawnd u sa issa lagħab 18-il logħba mat-tim nazzjonali. Hu se jingħaqad mat-tim il-ġdid tiegħu li bħalissa jinsab f’Għawdex għal kamp ta’ taħriġ. Dan hu t-tieni akkwist ta’ plejer lokali għal Ħamrun f’dan is-sajf wara l-akkwist ta’ Juan Corbalan mingħand Gżira United.