Knisja Kultura Lokali

AĠĠORNATA: Jitħassru l-marċi tal-festi tal-Ħamrun u San Girgor

Jitħassar anke l-marċ ta' San Duminku fil-Belt

Il-baned Ħamruniżi ilbieraħ qablu li jħassru l-marċi li kienu qed iħejju għall-festa ta’ San Gejtanu.

Kif żvela Net News, din id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil – aħbar li aktar tard kienet konfermata wkoll b’mod uffiċjali miż-żewġ każini fi stqarrija.

Intqal illi d-deċiżjoni ttieħdet b’sens qawwi ta’ responsabilità lejn il-komunità Ħamruniża u l-pajjiż b’mod ġenerali. L-qħaqdiet Ħamruniżi minn jeddhom qablu li jħassru l-marċ ta’ filgħodu ppjanat għal nhar il-festa ta’ San Gejtanu, li kellu jsir il-Ħadd 9 ta’ Awwissu.

Anke l-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali San Girgor ta’ Tas-Sliema ħabbar li wara diskussjoni mal-awtorità kompetenti ġie deċiż li l-marċi għal festa jiġu kanċellati. Il-każin qal li “is-saħħa u s-sigurtà tal-membri u parruċċani jiġu l-ewwel u qabel kollox.”

Fl-aħħar ħin, anke l-każin King’s Own tal-Belt ħabbar li ħassar il-marċ tas-1pm li jsir fil-festa ta’ San Duminku.

Dan sar, primarjament, biex tiġi ssalvagwardjata is-saħħa tal-membri tas-Socjeta’ u l-partitarji tal-festa ta’ San Duminku flimkien mal-pubbliku ġenerali. Il-Kumitat jixtieq, akkost ta’ kollox, jevita sitwazzjoni fejn, kif ġara f’festa oħra, minnħabba li jkun hemm imqar persuna waħda li titestja posittiv wara l-attivita’, nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn dawk preżenti jsibu ruħhom f’riskju li huma wkoll jistgħu jisfaw posittivi għal dan il-virus.

Ħafna għaqdiet u organizzazjonijiet qed ikunu responsabbli f’dan il-perijodu tant sensittiv fejn qed naraw in-numri tal-Covid-19 jiżdiedu.

Filwaqt li l-MAM trid limitu fuq in-numru ta’ persuni miġbura f’daqqa, il-Gvern qed jibqa’ jirreżisti li jieħu xi forma ta’ azzjoni.