Lokali

AĠĠORNATA: L-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise igiddeb lil Keith Schembri

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea ċaħad b’mod kategoriku dak li qal dwaru Keith Schembri, illi allega li kien Galea li ħa ħsieb l-MoU tal-Vitals Global Healthcare. Fi stqarrija lill-media, Mario Galea qal li hu kien involut biss fil-ftehim ma’ Barts.

Aktar kmieni, l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri kien ċaħad li kellu x’jaqsam mal-MoU tal-Vitals – skandlu enormi li kien konfermat mill-Awditur Ġenerali u li qed jiswa lil pajjiżna miljuni kbar kull sena.

Permezz ta’ affidavit, Keith Schembri qal li ma kellu x’jaqsam xejn mal-Memorandum of Understanding li, skont l-istess Schembri, ħadem fuqu l-eks Ministru Chris Cardona u ċertu Mario Galea mill-Malta Enterprise.

“Apparti Mario Galea, ma naf li ħadd li kien involut fin-negozjati qabel l-iffirmar tal-MoU. Ma kellix involviment f’dan il-proċess”, qal Keith Schembri.

Kien ilbieraħ meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ħareġ rapport dwar l-MoU li kien sar mill-Gvern Laburista mal-Vitals Global Healthcare.

Fir-rapport ingħad li Malta Enterprise ippuntaw subgħajhom lejn l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri – wara li saħqu li kemm-il  darba talbu informazzjoni lil Schembri dwar in-negozjati bejn il-Gvern u Vitals… u kif seħħ il-kuntatt bejniethom…. madanakollu l-bieb tiegħu baqa’ magħluq u żamm ħalqu mistur.

Għaldaqstant, ir-rapport li hareg l-Awditur Ġenerali xeħet aktar dawl dwar l-id moħbija tal-eks Chief of Staff f’dawn in-negozjati mal-investituri barranin wara li sar magħruf li Schembri iltaqa’ mal-istess investituri fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja qabel ma tfassal il-Memorandum of Understanding sigriet li ġie ffirmat f’Ottubru tal-2014 – xhur qabel ma’ ħarġet is-sejħa għall-bejgħ tat-tlett sptarijiet.