Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni bil-fatti favur aktar artijiet għall-faċilitajiet sportivi u rikreattivi

Matul l-aħħar jiem l-Oppożizzjoni kompliet turi responsabbilta’ u koperazzjoni massima sabiex fi proċess parlamentari mgħaġġel qabel il-waqfa tas-sajf ġew approvati mill-Kumitat Parlamentari tal-Verifika numru ta’ artijiet lill-assoċjazzjonijiet sportivi sabiex jiġu zviluppati f’faċilitajiet sportivi.

L-aħħar art pubblika li se tkun qed tgħaddi għand assoċjazzjoni sportiva hija dik f’Ħal Luqa u li minna se jkunu qed jibbenefikaw il-klabb tal-futbol ta’ Valletta FC. Fil-Parlament kmieni dalgħodu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li kienet rappreżentata mill-Viċi Kap David Agius, mid-Deputat Beppe Fenech Adami u mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar taw il-kontribut tagħhom, fejn filwaqt li vvutaw favur dan it-trasferiment tal-art staqsew domandi pertinenti sabiex ikun ċar li l-klabb sportiv inkwistjoni ma’ jiġix iffaċċjat bi problemi jew sitwazzjonijiet diffiċli wara li tkun għaddiet lilu l-art inkwistjoni.

Id-deputati f’isem l-Oppożizzjoni talbu lill-Gvern aċċertazzjoni sabiex l-iskart kollu li hemm preżentament fuq is-sit inkwistjoni jitnaddaf mill-Gvern. L-Oppożizzjoni talbet ukoll lill-Gvern biex l-art oriġinali fuq sit differenti li kienet ingħatat minn amministrazzjoni Nazzjonalista f’Ħal Luqa stess snin ilu u li issa l-klabb tal-Belt se jkun qed jgħaddi lura din l-art lill-Gvern, jikkunsidra bis-serjeta’ biex l-użu ta’ din l-art jibqa’ wieħed għal skop sportiv u mhux għal xi tip ta’ żvilupp ieħor differenti.

Ftit tal-jiem ilu, l-Oppożizzjoni vvutat ukoll favur it-trasferimenti simili ta’ artijiet oħra lill-klabbs ta’ SK Victoria Wanderers, Hibernians Basketball Club kif ukoll lill-Assoċjazzjoni tal-Iscouts ta’ Malta.

Bil-fatti u b’ħidma kontinwa, l-Oppożizzjoni kompliet tkun iffukata fuq il-ħidma Parlamentari fl-interess uniku tal-ġid komuni.